“Huwa ta’ għib għal pajjiżna li għandna Oppożizzjoni maqtugħa mir-realtà u li lesta tipprova tieħu vantaġġ minn femiċidju. Jekk trid tilgħab din il-logħba perikoluża, l-Oppożizzjoni setgħet tagħmel dan biss li kieku taħt it-tmexxija tagħha fil-passat ma sar l-ebda femiċidju, u żgur li mhux meta li kien għaliha Malta baqgħet ma implimentatx il-Konvenzjoni t’Istanbul.”
Kienet din ir-reazzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza fid-dawl tal-vot kontra l-liġi tal-vjolenza domestika mill-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li kieku kien għall-istess Oppożizzjoni, l-liġi dwar il-vjolenza abbażi ta’ ġeneru u vjolenza domestika lanqas biss għaddiet mill-Parlament, aħseb u ara kemm tista’ titkellem dwar l-implimentazzjoni tagħha. Fuq dan is-suġġett żgur li l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda kredibiltà.L-istqarrija tgħid li ħal kuntrarju, il-Gvern Malti kien fost l-ewwel li rratifika l-Konvenzjoni t’Istanbul, li ġiet trasposta bi sħiħ permezz tal-Att dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika f’Mejju li għadda.
Dan hekk kif din il-liġi rdoppjat il-pieni f’każ ta’ stupru; wessgħet id-definizzjoni ta’ stupru għal kull tip ta’ sess mhux konsenswali; tat il-poter lill-Qorti biex tiżgombra l-aggressuri f’każijiet ta’ vjolenza domestika minn darhom, u li ċċahhadhom minn kwalunkwe tip ta’ kustodja tal-ulied u saħħet ir-riżorsi tal-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika
Il-Ministeru qal li f’regħba għall-gwadan politiku, l-Oppożizzjoni b’konvenjenza njorat dan kollu u l-fatt li l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru ilha fis-seħħ minn Novembru tal-2017.
Qal li dan nistgħu nifhmuh għaliex fl-istess żmien kienet qed tissielet il-qasma interna li teżisti fl-Oppożizzjoni, u li ħarġet fil-beraħ fil-vot fuq il-liġi msemmija hawn fuq.
L-istess Ministeru qal li b’hekk, lil’hinn mill-kriżi interna li għaddejja minnha l-Oppożizzjoni, għaldarb’oħra qed naraw sintomi ta’ Oppożizzjoni fqira mill-ideat. Iżda l-akbar ħasra mhix dik li m’għandniex Oppożizzjoni denja, iżda li għandna Oppożizzjoni rresponsabbli li lesta tilgħab bil-vittmi tal-vjolenza domestika għall-interess partiġġjan tagħha.
Temm billi qal “Pajjiżna jixraqlu Oppożizzjoni ferm aħjar.”