Jum wara jum l-Oppożizzjoni baqgħet irrelevanti ħlief biex tirkeb fuq il-mibegħda.
Qal dan il-Partit Laburista fi stqarrija, li tenna li huwa ta’ għajb u tal-mistħija li l-Kap tal-Oppożizzjoni jibqa’ jħalli min imexxih u jordnalu x’għandu jagħmel u saħaq li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa rrelevanti u kapaċi biss jirkeb fuq l-attakki ta’ Jason Azzopardi u tal-għaqda Repubblika.
Karol Aquilina, dak li sa ftit tal-ġimgħat ilu Jason Azzopardi sejjaħlu “wanker” u l-istess Jason Azzopardi issa sabu ħaġa li tgħaqqadhom: il-mibegħda insensata fil-konfront ta’ min jaħdem fl-interess ta’ pajjiżna, tenniet l-istqarrija.
Il-Partit Laburista qal li min jipprova jinqeda b’mod malinn minn mekkaniżmi llegali għal skop vendikattiv, l-Oppożizzjoni għandha mhux tieħu n-naħa tal-attakki viljakki bbażati fuq il-gideb iżda tingħaqad mal-Gvern biex dawn l-affarijiet ma jibqgħux isiru.
Għal darb’oħra l-Partit Nazzjonalista, mhux biss qed jappoġġja imma qed jipparteċipa fil-politika ta’ ħdura ibbażata fuq abbużi mill-proċeduri legali akkost li jkissru lil min ma jaqbilx magħhom. Dan l-attakk il-Partit Laburista se jkompli jieqaflu u jsaħħaħ il-politika tiegħu favur in-nies u l-għaqda, temm jgħid il-Partit Laburista.