Dwar l-abbozz ta’ liġi dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol li l-Gvern ressaq fil-Parlament wara konsultazzjoni wiesgħa, fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista ma ressaq l-ebda proposta konkreta dwar din il-liġi.
Minflok tat il-kontribut tagħha, l-Oppożizzjoni ħarġet tgħid li l-liġi qed isir bl-għaġġla. L-istess Oppożizzjoni li għal snin twal ħalliet dan is-settur fuq l-ixkaffa, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Il-Partit Laburista fakkar li, kontra dak li allegat mill-Oppożizzjoni, il-Gvern diġà implimenta numru ta’ regolamenti u se jkompli jagħmel dan.
L-Awtorità qed tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tkun tista’ tagħti l-aqwa servizz, inkluż b’numru ta’ spezzjonijiet u azzjonijiet li qed jittieħdu u li fl-aħħar sena żdiedu b’mod sinifikanti.
Il-Partit Laburista kompla li l-liġi l-ġdida se tagħti wkoll is-setgħa lill-Awtorità li tiddelega d-dmirijiet tagħha lil awtoritajiet kompetenti oħrajn kif tqies meħtieġ għall-inforzar effettiv tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol.
L-istqarrija temmet tgħid li Gvern Laburista se jibqa’ kommess li jindirizza l-isfidi u realtajiet preżenti u dawk li jistgħu jiżviluppaw.