Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li, għal darb’oħra, qed naraw Oppożizzjoni Nazzjonalista popolista li, f’dagħdigħa ta’ propaganda rħisa, qed tipprova tbeżża’ dwar il-pensjonijiet.
Iżda l-poplu jaf li dan il-Partit fil-Gvern mhux biss hu garanzija ta’ pensjonijiet sostenibbli, iżda aqwa minn hekk, il-pajjiż qed jara żidiet sostanzjali fil-pensjonijiet ta’ kull sena, wara snin ta’ pensjonijiet iffriżati.
Fl-istess ħin, Gvern Laburista daħħal inċentivi fiskali qawwija għal tfaddil ta’ pensjonijiet privati li jħeġġu biex wieħed jaħtaf dawk l-inċentivi. Inċentivi, li qed ikunu użati mill-Partit Nazzjonalista biex jibni kampanja qarrieqa, għax jaf li dwar il-pensonijiet m’għandux kredibbiltà.
Il-Partit Laburista nnota li l-uniku garanzija li jista’ joffri l-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-pensjonijiet, hu ta’ pensjonijiet iffriżati u ta’ ingustizzji soċjali. Dan fl-istess ħin li kien jgħabbi lill-pensjonanti b’piżijiet qawwija, fosthom kontijiet rekord tad-dawl u l-ilma, fost oħrajn.
Min-naħa l-oħra, Gvern Laburista żied il-pensjonijiet b’madwar tlett elef, tliet mija u ħamsin ewro fis-sena. Tant li l-ammont allokat għall-pensjonijiet illum hu kważi d-doppju ta’ dak li kien qabel l-2013.
Legat ieħor tal-Partit Nazzjonalista fil-qasam tal-pensjonijiet kienet l-inġustizzja soċjali li daħħal meta kien qasam il-ħaddiema bejn dawk li twieldu qabel u wara l-1962. B’din il-qasma, il-Partit Nazzjonalista spiċċa ħoloq żewġ klassijiet ta’ pensjonanti, bil-pensjonanti preżenti kollha mċaħħdin minn titjib fil-pensjoni. Kellu jkun Gvern Laburista li beda jelimina din id-diskriminazzjoni.
Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien kapaċi biss jimponi piżijiet fuq il-ħaddiema, liema piżijiet fissru li dawn ma setgħux ifaddlu f’pensjoni privata. Minflok Gvern Laburista qed jagħti sa €1,500 f’tax refund għal kull koppja li qed ifaddlu f’pensjoni privata.
Il-Partit Laburista temm jgħid li, minflok jinfexx fi propaganda rħisa, il-Partit Nazzjonalista għandu jitlob apoloġija għal snin ta’ inġustizzji u awsterità li mpona fuq il-pensjonanti.