“Mozzjoni ta’ Oppożizzjoni li theda fil-logħob partiġġjan u li qed tipprova tikkapitalizza minn fuq traġedja u mewt.” Sostna dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt li ġiet diskussa mozzjoni tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-Parlament, b’rabta mar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia, fejn fiha ntalbet ir-riżenja ta’ tliet ministri tal-Gvern.
Dwar dan is-suġġett, il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-atteġġjament politiku responsabbli mill-Gvern quddiem il-partiġġjaniżmu tal-Oppożizzjoni.
“Hija mozzjoni ta’ Oppożizzjoni li theda fil-logħob partiġġjan, theda fil-logħba popolista u li hu evidenti, u ngħidha bir-responsabbiltà Sur President, ta’ Oppożizzjoni li qed tipprova tikkapitalizza minn fuq traġedja, minn fuq mewt.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tenna kif il-poplu din il-logħba tal-Oppożizzjoni qed jifhimha hekk kif anke l-inkjesta ssemmi proprju min għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-inċident li kien seħħ f’Kordin f’Diċembru tal-2022.
Filwaqt li l-Prim Ministru, fid-diskors tiegħu, espona l-fatti vera dwar il-ħidma tal-Ministri Miriam Dalli, Stefan Zrinzo Azzopardi u Silvio Schembri quddiem il-mozzjoni partiġġjana tal-Oppożizzjoni, Dr Abela enfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tar-rakkomdazzjonijiet fir-rapport tal-inkjesta anke abbażi tal-konsultazzjoni mal-imsieħba kollha fis-settur.
Dr Abela tenna kif dawn il-bidliet iridu jwasslu għal bidla fil-mentalità f’dan is-settur.
Sadanittant, il-Prim Ministru ta aġġornament dwar il-ħames miżuri immedjati li ħabbar il-Gvern mal-mument li ġie ppubblikat ir-rapport tal-inkjesta.
Fost oħrajn, tenna li diġà kellu laqgħa pożittiva mal-Ombudsman Joseph Zammit Mckeon favur bidla leġiżlattiva biex il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, ikollu r-remit tiegħu estiż ukoll għall-kostruzzjoni.
Dan filwaqt li diġà ħarġet is-sejħa biex jiġu ingaġġati periti u avukati ħalli tiġi pprovduta assistenza professjonali, mingħajr ħlas, għaċ-ċittadini li jkunu qed jiffaċċjaw ċerti diffikultajiet kawża ta’ żvilupp.
Beda x-xogħol ukoll fuq helpline biex jagħmel tajjeb għal inforzar aktar b’saħħtu b’rabta ma’ żvilupp.
“Hemmhekk ix-xogħol mill-entitajiet involuti beda diġà u hemm involuta s-servizz.gov ukoll. Informat li, sal-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena, din il-helpline ċentralizzata tkun qed topera wara li jkun sar it-taħriġ tal-ħaddiema u ssaħħaħ il-kordinazzjoni meħtieġa fl-awtoritajiet.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Minbarra hekk, il-Prim Ministru spjega li l-Ministeru għall-Ekonomija ħatar ukoll kumpanija biex tawditja l-proċessi ta’ allokazzjoni biex jiġi aġġornat kull fejn hu meħtieġ.
Dr Abela ma naqasx ukoll milli jaċċenna għal numru ta’ eżempji fejn il-Gvern Nazzjonalista uża riga ferm differenti meta persuni tilfu ħajjithom fuq il-lant tax-xogħol. Fost oħrajn semma t-traġedja tal-Um El Faroud, li anke fuqha nqabad jigdeb.
Iżda mhux biss, hekk kif Dr Abela fuq talba ta’ missier, li tilef lil ibnu fi skola, irrimarka l-atteġġjament veru ta’ Gvern Nazzjonalista meta kien jiffaċċja inċidenti fatali.
“Talba waħda kellu, Sur President, li kien għamel lill-amministrazzjoni mmexxija minn Gvern Nazzjonalista. Talba li impikaw miegħu fuqha. Kull ma ried, qalilhom semmu triq għall-memorja ta’ ibni u impikaw miegħu u ċaħħduh minnha wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela temma id-diskors tiegħu billi sostna li d-dibattitu dwar ir-rapport b’rabta mal-Inkjesta Sofia ħareġ distinzjoni bejn Gvern, li lest jirriforma s-settur tal-kostruzzjoni, u Oppożizzjoni medhija fil-partiġġjaniżmu.
“Hekk nagħtu dimensjoni ġdida lill-industrija tal-kostruzzjoni, filwaqt li ssir ġustizzja vera mal-vittmi kollha li kellna matul tant u tant snin. Għalhekk il-poplu fdana u jibqa’ jafdana biex inkunu aħna li mmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem.”
Il-Prim Ministru Robert Abela