Dahru mal-ħajt, il-Kap tal-Oppożizzjoni jirrepeti l-istess diska li jordnawlu biex idoqq. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, b’reazzjoni għal stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, li qalet li l-Prim Ministru jrid iwaqqaf l-inkjesti Maġisterjali.
Intqal li wara ħafna attakki mill-fazzjoni estremista tal-Partit Nazzjonalista, infaqgħet il-bużżieqa li pprova jonfoħ dak li jordna lill-Kap x’għandu jagħmel, b’rabta mal-pubblikazzjoni ta’ inkjesta.
Il-Prim Ministru diġà ddikjara li b’mod ġenerali jaqbel mal-pubblikazzjoni ta’ inkjesti b’ħarsien tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja, u fisser kif hemm bżonn bidliet favur it-tisħiħ fit-trasparenza fil-proċessi marbuta mal-inkjesti.
L-uniku mottiv tal-Oppożizzjoni mhuwiex dak li hu mis-sewwa iżda l-attakki insensati kontra min ma jaqbilx magħha.
Hekk kienet u hekk għadha – tagħha kollu tajjeb u ta’ ħaddieħor ħażin.
Intqal li Gvern Laburista jibqa’ dejjem kommess li jipprovdi sigurtà tal-provvista ta’ enerġija bi prezzijiet ferm orħos milli kienu ħdax-il sena ilu minkejja l-kriżi internazzjonali tal-enerġija, b’energy mix diversifikata li tinkludi powerstation li taħdem bil-gass naturali, it-tieni interconnector li ser jiġi implimentat, u sorsi rinnovabbli li l-Oppożizzjoni dejjem kaxkret saqajha fuqhom.
Dan ħalli l-poplu jibqa’ jħallas fost l-orħos kontijiet tal-enerġija fiż-żona Ewro u b’garanzija ta’ stabbiltà.
“Dan frott viżjoni, għaqal u ruħ soċjali b’sussidju li kien għall-Oppożizzjoni ma jingħatax għax iffissata fuq l-awsterità”, temm jgħid f’din l-istqarrija l-Partit Laburista.