L-Avukat Ġenerali l-ġdid ukoll spiċċa suġġett ta’ qasma u firda fil-Partit Nazzjonalista.
Iż-żewġ fazzjonijiet li bħalissa qed jikkampanjaw għal kandidati rispettivi tagħhom biex xi ħadd minnhom isir Kap tal-Partit spiċċaw jgħidu affarijiet kunflinġenti fuq materja nazzjonali.
Filwaqt li fi stqarrija uffiċjali, il-Partit Nazzjonalista awgura lil Dr. Victoria Buttigieg li ntgħażlet bħala Avukat Ġenerali, il-kelliem għall-Ġustizzja tal-istess Partit, Jason Azzopardi nfexx jattakka lil Dr. Buttigieg fuq il-profil tiegħu fuq Facebook
L-istqarrija tal-Oppożizzjoni kienet iffirmata mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu Adrian Delia li bħalissa għaddej bil-kampanja tiegħu għal Kap.
Dan filwaqt li Jason Azzopardi huwa fost l-ewlenin, mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li jinsab wara Bernard Grech.
Li Delia u Azzopardi ma jarawx għajn m’għajn mhu xejn ġdid.
Fil-ġimgħat li għaddew, Jason Azzopardi qal mal-midja li kien injorat mill-Kap tiegħu Adrian Delia għal tliet snin sħaħ fuq mozzjoni privata li ressaq hu.
Il-Partit Nazzjonalista spjega kif Jason Azzopardi ressaq private members bill mingħajr ma’ kkonsulta mal-kumplament tas-sebgħa u għoxrin membru l-oħra tal-Grupp Parlamentari kif isir minn kull deputat qabel tiġi ppreżentata mozzjoni jew liġi simili.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-grupp parlamentari approva li jitressqu numru kbir ta’ mozzjonijiet li jirriżulta li kien l-istess Jason Azzopardi li ffirmahom.
Qal li Jason Azzopardi ċertament li tħalla jaħdem, tant li kien l-aktar deputat li ressaq mozzjonijiet fl-aħħar snin u anke kien firmatarju ta’ mozzjonijiet u liġijiet privati li tagħhom hu ma’ kienx direttament responsabbli jew ma kinux jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu.
Intant bejn il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u d-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi hemm proċeduri l-Qorti wara li Delia ressaq protest ġudizzjarju fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi minħabba li dan allegatament xerred qlajjiet malafamanti fil-konfront tiegħu.
Min-naħa l-oħra, Jason Azzopardi ressaq kontro-protest kontra Delia u talbu biex jieqaf iħarref.