“Deborah Schembri qaltli li ma tajniex proposti. Li hu tagħha intihula: tagħtna l-abboz xahar ilu u nirringrazzjaha”.
Kliem li tenna x-shadow Minister Ryan Callus fil-Parlament, dwar is-skiet tal-Oppożizzjoni meta kienet ikkonsultata dwar l-att li se jwaqqaf l-Awtorità tal-Artijiet. Illum dan qed ikun diskuss fl-istadju ta’ tieni qari.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri qalet li l-liġi għaddiet għand l-Oppożizzjoni aktar minn xahar ilu, iżda ma waslet ebda forma ta’ risposta.
Dan mikejja kemm il-Partit Nazzjonalista rikeb il-karru tal-ambjentalisti kull meta kien propost żvilupp ewlieni f’pajjiżna u minkejja kemm għajjat li dan il-Gvern għandu jimxi b’mod differenti fejn tidħol l-użu tal-art.
Is-Segretarju Parlametari Schembri stiednet lill-Oppożizzjoni tressaq suġġerimenti anke illum, waqt it-tieni qari, filwaqt li spjegat li kien hemm konsultazzjoni diretta mal-pubbliku u ma’ min jaħdem mad-Dipartiment tal-Artijiet. Dawn irrispondew bi ħġarhom, iżda l-Oppożizzjoni ġabet biss skużi.
L-Awtorità tal-Artijiet se tippromwovi l-użu tal-art u tal-propjetà b’mod sostenibbli u se tagħti pariri lill-Gvern dwar kif għandhom ikunu mfassla regoli f’dan is-sens. Il-bord ta’ governanza se jkun magħmul minn għaxar membri, li jinkludu membru parlamentari nominat mill-Oppożizzjoni.
https://www.youtube.com/watch?v=r2AY6M_0cX8