Gvern Laburista rnexxielu jbiddel is-settur tal-enerġija minn wieħed ibbażat fuq l-użu ta’ heavy fuel oil għall-enerġija ġġenerata bil-gass. Il-kontijiet raħsu b’25%, filwaqt li dan il-Gvern biddel l-Enemalta minn kumpanija f’xifer falliment għal waħda li qed tagħmel il-flus.
Fi stqarrija, il-Gvern spjega kif oppożizzjoni negattiva qed tagħżel li tipprova tħawwad il-fatti bil-għan li tgħatti n-nuqqasijiet tagħha f’25 sena.
Infatti dan il-kliem qalu fid-dawl li l-Partit Nazzjonalista reġa’ prova jixħet dubji dwar il-ftehim li dan il-Gvern laħaq max-Shanghai Electric Power, għall-użu tal-Power Station ta’ Delimara.
Il-Gvern wieġeb billi qal li fi żmien amministrazzjoni preċedenti r-realtà f’dan is-settur kienet waħda differenti, fejn minkejja li wegħdu l-għeluq tal-Power Station tal-Marsa mill-1987, xorta waħda kienet għadha topera, bl-aktar żejt li jniġġeż.
Matul l-aħħar tliet snin, Gvern Laburista ħadem biex iwettaq bidliet kbar f’dan is-settur. Familji u negozji qed igawdu minn kontijiet tad-dawl irħas, fejn l-ogħla tariffi issa saru r-raba’ l-orħos fl-Ewropa. Dan il-Gvern irnexxielu jnaqqas madwar miljun tunnellatta f’emissjonijiet. Bid-differenza għal Gvern Nazzjonalista, Gvern Laburista rnexxielu jaqleb minn power station li tuża l-heavy fuel oil għal impjant modern li jaħdem bil-gass. Gvern li poġġa s-saħħa taċ-ċittadini bħala prijorita’.
Fi żmien amministrazzjoni preċedenti, r-realtà f’dan is-settur kienet differenti. Is-sitwazzjoni taħt Gvern Nazzjonalista kienet waħda ta’ djun kbar mal-banek lokali li jlaħħqu saħansitra t-€840 miljun, l-istess miljuni li s’issa mhux imħallsa. Nuqqas kbir ta’ investiment fis-sistema tad-distribuzzjoni kif ukoll downgrades minn diversi aġenziji ta’ kreditu internazzjonali b’mod kostanti.
Din hija d-differenza bejn dan il-gvern u l-gvern preċedenti f’dan is-settur. L-investiment minn Shanghai Electric Power, li l-Oppożizzjoni kienet kontrih sa mill-bidu nett, qed iwassal biex l-Enemalta minn mażra tinbidel għall-kumpanija li tagħmel profitt, tinvesti kemm fis-sistema tad-distribuzzjoni kif ukoll barra minn xtutna u li tkun mutur ekonomiku għal pajjiżna.
Il-ħidma ta’ dan il-gvern għat-trasformazzjoni fis-settur tal-enerġija ġiet imfaħħra aktar minn darba minn diversi aġenziji internazzjonali ta’ kreditu u mill-Kummissjoni Ewropea, fost oħrajn.