Wara li naqas milli jippreżenta d-dokument tiegħu ta’ qabel il-Baġit, il-Kap tal-Oppożizzjoni, fl-attività tal-Partit tiegħu l-Ħadd filgħodu, ittanta jirredikola l-iżviluppi u t-titjib kollu li seħħ f’pajjiżna billi qal li Gvern għal dawn l-aħħar ħdax-il sena ma kellu l-ebda viżjoni għal pajjiżna.
Bernard Grech, li ħeba d-dokument li nstab li saru nofs kedda, inkluż bi żbalji fattwali, kien qed jitkellem fi djalogu speċifiku ta’ qabel il-Baġit.
Ironikament ukoll mar f’Bormla biex jitkellem dwar dan, fl-istess lokalità fejn il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni spiċċa għall-ewwel darba ma jeleġġi l-ebda kandidat għall-Kunsill Lokali. Dan wara li warrab anke lill-aħjar kunsillier li kellu, James Cauchi, għall-ebda raġuni plawsibbli, tant li wkoll spiċċa fil-Qorti minħabba f’hekk.
Matul id-djalogu, il-Kap Nazzjonalista baqa’ lura milli jippreżenta ideat ġodda għall-baġit sussegwenti, iżda minflok spiċċa jindirizza is-suppost li se jkun qed joħroġ fil-baġit ta’ għada. Intant, hu tenna li jekk ċertu miżuri mhux se jkunu qed jiġu indirizzati għada, dan se jkun baġit li ġie għalxejn.
Qal, “Ħa nsemmi xi ħaġa li ilna nsemmu, li jekk għada mhux se narawha fil-Baġit, mela l-Baġit ta’ għada se jkun ġie għalxejn.”
Dan minkejja li t-Tnejn, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed jippreżenta baġit li jħares għal sostenn ta’ ekonomija reżiljenti, is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja, infrastruttura sostenibbli, u ambjent nadif.
Grech kien wkoll kritiku għall-proġett mill-isbaħ fil-Baċir Numru 1, li wettaq Gvern Laburista, wara l-inkonsistenzi ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, u pprova jirredikolah, għax qal li ma kienx hemm biżżejjed siġar biex jagħmlulu d-dell.
Din tal-aħħar hija eżempju ċar tal-inkonsistenza min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif kien Kunsill Nazzjonalista li oġġezzjona l-proġett tal-Imsida Creek – proġett li se jkun 60% minnu spazju miftuħ bi pjazza kbira daqs dik tal-Pjazza ta’ San Ġorġ fil-Belt Valletta.