Fl-intervista fuq ONE Radio, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela tkellem dwar kif l-arkitetti tal-pjanijiet lokali tal-2006, li bihom art verġni daqs is-Siġġiewi spiċċat ingħatat għall-iżvilupp, huma dawk l-aktar qrib ta’ Bernard Grech, li jfasslu l-politika ambjentali tal-Partit Nazzjonalista.
Fost dawn hemm Ray Bezzina, l-id il-leminija tal-Kap tal-Oppożizzjoni u Chris Ciantar li ġie appuntat bħala r-rappreżentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-Awtorità għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Mexxej Laburista qal kif dwar dan kollu, Bernard Grech iddefenda l-pjani u qal li kienu tajbin.
“Il-kwistjoni hija waħda ta’ kredibilità, infakkar kif ftit tal-jiem u ġimgħat ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni qalli toqgħodx iġġib skuża bil-pjani tal-2006 imma ftit tal-jiem ilu, meta qrajt x’ġie rrappurtat għidt possibbli qal hekk? Mhux talli ddefenda l-pjani tal-2006 talli qal li kienu tajbin.”
Il-Prim Ministru rrefera għal żjara li għamel għand il-kumpanija Toly din il-ġimgħa, li qed tibbenefika mill-inċentivi tal-Gvern biex l-operat tagħha ma jkollux konsegwenzi fuq l-ambjent ta’ madwarna.
“Xi ħaġa li vera laqtitni kienet il-mod ta’ kif il-produzzjoni u l-manifattura on site hija waħda li tagħti prijorità assoluta lill-kredenzjali ambjentali, fis-sens illi dik il-produzzjoni hija waħda li ma toħloqx jew toħloq mill-anqas emissjonijiet.”
Kien hawn li semma kif dan il-Gvern jemmen fi żvilupp sostenibbli u kif postijiet li kienu miżbla issa nbidlu fi spazji industrijali, b’referenza għal dik f’Ħal Luqa.
“Eżempju preċiż ta’ kif aħna nemmnu b’mod innovattiv minn miżbla se noħolqu spazju industrijali ġdid u spazju li se jkun allokat ukoll lill-faċilitajiet sportivi. Proġett kbir u qed jirnexxielna li dik li dari kienet qed tintuża bħala miżbla illum minnha se noħolqu spazju industrijali.”