Filwaqt li d-dinja kollha inkluż Malta qed tikkumbatti l-ikbar kriżi mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn konsegwenza tal-Coronavirus, minkejja li tal-inqas tliet kumpaniji ta’ kreditu internazzjonali qalu li t-tbassir ekonomiku ta’ Malta wara li niedet il-pjani ekonomiċi tagħha se jibqgħu stabbli filwaqt li pajjiżi oħra kienu downgraded, l-Oppożizzjoni donnha qed tieħu pjaċir li kif prevvist kien se jkun hawn nies li se jispiċċaw bla xogħol u qed tipprova tikseb xi punt politku minn dan il-fatt.
Il-Gvern nieda pakketti ekonomiċi wieħed wara l-ieħor sabiex ikunu mgħejuna n-negozji, il-ħaddiema u s-self-employed. Dawn il-pakketti qed isiru wkoll sabiex kemm jista’ jkun nies ma jitilfux xogħolhom iżda dawk li jispiċċaw bla xogħol, ikunu mgħejuna. Dawn il-pakketti kienu possibbli anke għall-patt soċjali ffirmat bejn l-imsieħba soċjali kollha u l-Gvern, xi ħaġa bla preċedent.
Għall-informazzjoni tal-Oppożizzjoni iżda, in-numru ta’ nies fuq ir-reġistru f’Marzu 2013 kien 7,350. Dan l-ammont kien tliet darbiet aktar mill-ammont ta persuni li kienu fuq ir-reġistru f’Marzu 2020. Il-qgħad għadu f’livell ferm baxx ikkumparat mal-medja taħt l-amministrazzjoni Nazzjonalista.
Minħabba l-pandemija l-ammont ta’ nies jirreġistraw żdied b’466 ikkumparat max-xahar ta’ qabel. Waqt il-kriżi ekonomika tal-2009 taħt amministrazzjoni Nazzjonalista bejn Diċembru 2008 u Jannar 2009 kien hemm żieda ta’ 627 persuna. Jiġifieri għal kull żewġ persuni li tilfu l-impjieg f’Marzu 2020, kien hemm tlieta li tilfu l-impjieg f’Jannar tal-2009.
Anke f’Jannar 2012 kien hemm żieda ta’ 426 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad. Dan ma kienx minħabba xi kriżi ekonomika imma tort l-istabbiltà politika u tmexxija ħażina sinonima mal-amministrazzjoni preċedenti.
L-amministrazzjoni preżenti għandha track record li juri li f’seba’ snin ikkreat aktar impjiegi milli kienu kkreati fit-tliet amministrazzjonijiet preċedenti meħudin flimkien. Diġà bil-miżuri tal-Gvern kienu salvati aktar minn 70,000 impjieg. Bil-miżuri addizzjonali li qed jittieħdu wara li tieqaf l-imxija tal-COVID-19 sejrin naħdmu biex nerġgħu nġibu l-qgħad fir-records storiċi li nkisbu fl-aħħar snin.