Il-Partit Nazzjonalista għamel 14-il ġurnata jipprova jara kif se jinterpreta favurih statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (l-NSO) li wriet li naqas il-faqar.
Hekk jagħmel min ma jiflaħx aħbar li tkun pożittiva.
Stqarr dan il-Partit Laburista wara li d-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo ħareġ stqarrija f’isem il-Partit Nazzjonalista dwar l-istudju ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, li jgħid li l-għadd ta’ dawk li jinsabu fir-riskju tal-faqar f’Malta huwa l-inqas li qatt ġie rreġistrat mill-elfejn u sittax ’l hawn.
Il-Partit Laburista qal li l-fatti juru li għandna l-inqas rata ta’ faqar fl-aħħar sitt snin, u rata ferm inqas minn żmien gvernijiet Nazzjonalisti.
Minkejja dan, il-Gvern immexxi mill-Partit Laburista qatt mhu se jgħid li wasal jew li l-faqar huwa perċezzjoni, iżda se jibqa’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi ta’ investiment fin-nies bħall-għajnuna kbira favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija.
Din l-għajnuna, l-Oppożizzjoni tkellmet kontriha mill-bidu u għadha tinsisti li tinqata’.
L-istqarrija temmet tgħid li, fuq kollox, dan il-Gvern jibqa’ ffukat fuq ħidma li tgħin lin-nies, fuq quddiem nett il-pensjonanti u l-familji.