“Dan il-Gvern ma jridx soċjetà li tiġġudika u titratta persuna oħra bħala kriminal.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fl-intervista tal-Ħadd filgħodu waqt li kien qed jitkellem dwar ir-riforma fil-liġi li tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis.
Robert Abela rrefera għal kif dawk il-persuni li jinqabdu b’joint kienu jiġu trattati, saħansitra tittebbalhom il-kondotta minħabba reat li mhux kriminali.
Qal, “Ma ridniex iżjed soċjetà li trid tiġġudika lil ħaddieħor jew li nitrattaw ta’ kriminali lil persuni li mhumiex. Għaliex min ikollu joint għall-użu personali tiegħu mhux kriminal imma r-realtà turik li kienu qed jiġu trattati bl-istess mod daqs kriminali, kellna persuni żgħażagħ, adoloxxenti, adulti, persuni avvanzati fl-età, illi għax kellhom fil-pussess tagħhom joint ittieħdu l-għassa tal-Pulizija, id-Depot, ġew interrogati, ġew miżmuma fil-kustodja tal-pulizija, dan ir-realtajiet li kellna.”
Robert Abela saħaq li dan il-Gvern huwa wieħed li joħloq u mhux joħnoq l-opportunitajiet għaċ-ċittadini tiegħu, u għalhekk il-pożizzjoni tal-Partit Laburista dwar din ir-riforma kienet ċara.
Spjega, “Aħna ridna wkoll li nagħmlu l-bilanċ, mhux li jkollna b’xi mod liġi li qisu tibgħat messaġġ li qed tinċentiva l-użu tal-kannabis, xejn minn dan. Bil-kontra, dejjem imxejna with a harm reduction approach mentality. U jekk tara din il-liġi dan l-approach ta’ harm reduction tarah konsistentni f’kull biċċa tal-liġi, eżempju t-twaqqif tal-awtorità regolatorja.”
Fil-ġimgħa li ġie inawgurat iċ-Ċentru Terapewtiku f’tal-Ibwar, il-Prim Ministru saħaq kif dan se jagħti lura d-dinjità lill-adoloxxenti u jagħtihom l-opportunità biex jerġgħu jmorru lejn id-direzzjoni t-tajba.
Quddiem dan kollu, Robert Abela nnota wkoll l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista f’ħafna suġġetti, b’mod partikolari dwar il-liġi tal-kannabis.
Qal, “Jien nitbissem meta nisma’ lill-Oppożizzjoni titkellem dwar l-inkonsistenza, għaliex l-unika ħaġa li għandha konsistenti l-Oppożizzjoni hija l-inkonsistenza tagħha, fuq kull suġġett. L-inkonsistenza li wriet l-Oppożizzjoni fuq il-liġi tal-kannabis hija xi ħaġa li timmeraviljak taraha quddiem għajnejk u kważi kważi lanqas temmen li qed tiġri.”
Il-Mexxej Laburista wassal l-appell tiegħu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-Partit Laburista li se ssir il-Ħadd ħamsa ta’ Diċembru.
Qal, “Għalhekk nemmen li n-nies għandhom jgħinu lill-Partit Laburista, biex inkunu nistgħu nibqgħu naħdmu f’din il-ħidma ta’ aktar investiment fin-nies għax fuq kollox il-Partit Laburista m’għandix dubju li huwa dak il-partit li dejjem ġab l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox, kemm lokalment u aktar u aktar fil-fora nazzjonali.”