Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika xejjen għal kollox akkużi infondati tal-Kelliem għall-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina dwar inkjesta maġisterjali li, wara li ġiet konkluża, bdiet titwettaq ġustizzja fil-Qrati wara l-mewt traġika ta’ Jean Paul Sofia.
Aquilina kien għamel allegazzjonijiet li llum rapport tal-Kummissarju għall-Istandards kkonferma li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Jonathan Attard ma kisrux il-kodiċi tal-etika meta nfurmaw lill-pubbliku dwar id-dewmien tal-inkjesta maġisterjali.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-fergħa estremista fil-Partit Nazzjonalista, li torndna lill-Kap x’għandu jagħmel, kienet irrapportat lill-Prim Ministru u l-Ministru Attard għax qdew id-doveri tagħhom.
Intqal li dan hu tassew aġir ta’ Oppożizzjoni vendikattiva u tal-fake news li ħsiebha biss biex tipprova tiskorja l-punti politiċi.
Fir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards, li jintuża minn Bernard Grech fejn jaqbillu, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi saħaq li mhux korrett li wieħed jgħid li l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja ġew fil-pussess ta’ informazzjoni li ma kellhom ebda dritt jirċievu. Barra minn dan, b’sempliċi kalkolu matematiku wieħed ukoll kien jasal għall-konklużjoni li r-rapport tal-inkjesta ma kienx se jkun lest saż-żmien indikat.
“Iżda l-Oppożizzjoni hi għamja għall-partiġġjaniżmu u ħsiebha biss biex xxerred akkużi infondati. Iż-żejt tela’ f’wiċċ l-ilma”, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.
AQRA AKTAR:
Il-Kummissarju għall-Istandards ma jilqax ilment ta’ Karol Aquilina fuq il-PM u l-Ministru għall-Ġustizzja