“L-Oppożizzjoni politikament iddisprata. Dejjem tara f’min se twaħħal u f’min tinfexx.”
Hekk tenna l-Partit Laburista b’reazzjoni għar-rikors li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Gvern, l-Awtorità tax-Xandir u x-Xandir Nazzjonali. Dan wara li l-Partit ta’ Bernard Grech reġa’ fetaħ il-kanuni fuq ix-Xandir Nazzjonali u qed jilmenta li mhux jidher biżżejjed.
Fi stqarrija l-Partit Laburista stqarr kif l-Oppożizzjoni nesiet tgħid li mill-ilmenti li tagħmel tispiċċa titlef jew ma ssegwix iktar milli tirbaħ. Dan fid-dawl li l-Partit Nazzjonalista tilef il-maġġoranza tal-ilmenti li għamel mal-Awtorità tax-Xandir, hekk kif minn erba’ ilmenti li għamel tilef tlieta.
“L-ironija li l-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius, li għamel il-konferenza tal-aħbarijiet, jaf sew kif ikun xandir nazzjonali manipulat u maħkum”, temmet tgħid l-istqarrija filwaqt li nnutat in-nuqqas ta’ kredibbilità tal-Partit Nazzjonalista.