Il-Partit Laburista nnota l-aħħar stqarrija tal-Partit Nazzjonalista fejn kompla jiżbalja dwar fatti bażiċi fuq il-persuni jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna.
Intqal kif iI-Partit Nazzjonalista tenna l-iżball tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia s-Sibt u l-Ħadd li għadda meta qal li f’pajjiżna hawn ħdax-il elf persuna qiegħda.
Il-Partit Laburista saħaq li l-fatti juru mod ieħor hekk kif ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fl-eqqel tal-pandemija tal-Covid-19, il-qgħad f’April li għadda kien ta’ tliet t’elef, disa’ mija u disgħa u sebgħin ruħ.
Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota li ironikament fit-tnejn u għoxrin ta’ Mejju li għadda, anke l-midja Nazzjonalista rrapportat li l-qgħad f’Malta huwa ta’ erba’ t’elef ruħ, jigifieri n-nofs tal-persuni qiegħda li ħalla Gvern Nazzjonalista meta pajjiżna ma kienx qed isofri minn pandemija.
Il-Partit Laburista saħaq li Delia għandu jara sew l-fatti flok jirbaħ xi punti politiċi fi żmien sensittiv għall-pajjiżna, fejn il-Gvern għamel l-almu kollu tiegħu biex salva mal-mitt elf post tax-xogħol.
“F’dan il-każ l-inqas ħaġa li kellu jagħmel Adrian Delia kien proprju li jiċċekkja dak li rrapportat il-midja tiegħu stess”, temm jgħid il-Partit Laburista.