Fi stqarrija l-Partit Laburista qal kif l-Oppożizzjoni mhux biss hi bla kredibbiltà fuq l-ekonomija iżda anki inkompetenti meta lanqas biss hi kapaċi tagħraf il-fatti li joħorġu minn rapport.
L-istqarrija qalet kif l-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda ’l fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna għas-sentejn li ġejjin.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-ekonomija Maltija se tibqa’ sostnuta b’mod tajjeb mill-andament qawwi fit-turiżmu u minn domanda domestika b’saħħitha. Aspett importanti għal din tal-aħħar ġej mill-għajnuna kbira li qed jagħti l-Gvern biex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija.
Il-Partit Laburista żied jgħid kif l-għajnuna li għall-Oppożizzjoni qatt ma kellha tingħata u wara li bdiet tingħata, l-Oppożizzjoni dlonk ħarġet tgħid biex tinqata’ u tieqaf. Quddiem ċertifikati pożittivi mill-Kummissjoni Ewropea u aġenziji internazzjonali ta’ kreditu dwar l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-Ewropa minn Malta, l-Oppożizzjoni tibqa’ iżolata fin-negattività.
Il-Partit Laburista temm jgħid kif il-Gvern huwa għal kollox differenti minn Oppożizzjoni li trid tieħodna għaż-żmien meta kellha t-tmexxija tal-pajjiż, b’politika ta’ awsterità li ġġib downgrades, proċeduri ta’ defiċit eċċessiv u ssikkar taċ-ċinturin.
Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jġib aktar bidliet u ffukat biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji b’deċiżjonijiet favur in-nies, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.