Dawn l-aħħar jiem rajna Oppożizzjoni li tipprova tilgħab bid-demokrazija u saħansittra xxekkel jew iddaħħal dubji dwar l-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Din hija arma perikoluża ħafna li juża biss min huwa bla kuxjenza, bla skrupli u min ikun irid joħloq inċertezza.
Madankollu, li tilgħab din it-tip ta’ logħba, mhux biss ma turix li l-oppożizzjoni m’għandiex viżjoni għal pajjiżna, iżda turi oppożizzjoni li lesta wkoll tattakka l-integrità tan-nies.
Rajna ftit ilu meta l-Onorevoli Jason Azzopardi għamel tejatrin sħiħ quddiem il-bieb tal-Qorti, li trid u ma tridx, nafu li tefgħat pressjoni kbira fuq il-Ġudikatura, meta huwa stess kellu jersaq il-Qorti. Aġir li mhux talli ma kienx ġust, iżda kien irresponsabbli. Aġir li kellu l-barka ta’ Simon Busuttil u l-partit tiegħu.
Ta’ min wieħed isemmi li l-oppożizzjoni għandha ħafna risposti x’tagħtina. Hemm ħafna każijiet t’abbuż ta’ poter ġej minn ex ministri u deputati tal-oppożizzjoni, li għal Simon Busuttil donnu xejn m’hu xejn. Saħansittra hemm każijiet għaddejin il-Qorti dwar tixħim u korruzzjoni minn esponenti li llum għadhom parti mill-partit Nazzjonalista.
Iżda l-argument li ssemma dan l-aħħar dwar il-Ġudikatura huwa wieħed serjissimu. Irrid ngħid li l-Ġudikatura kollha, minn Imħallfin u Maġistrati dejjem għamlu xogħolhom bl-akbar responsabiltà, kien x’kien il-każ u kienu min kienu n-nies quddiemhom. Irridu ngħidu li l-Ġudikatura hija magħmula minn nies bħalna, li lkoll għandhom fehmiet politiċi differenti u lkoll għandhom il-libertà u d-dritt li jkollhom opinjoni politika. Iżda żgur u bla dubju, l-ebda Ġudikant, appuntat u maħtur minn Gvern jew ieħor, ma qatt iddeċieda każ skont il-kulur politiku.
Iżda din mhux kif jaħsibha Jason Azzopardi u l-partit tiegħu. Dan għaliex il-PN ipprova jilgħab il-logħba maħmuga u jitfa dubju fuq Maġistrat billi qal li din kienet timmilita mal-partit Laburista u għalhekk il-każ li kien dwar Sindku Nazzjonalista seta ġie influwenzat b’dan il-fatt.
Tal-mistħija li jitkellem b’dan il-mod fuq persuna li mill-ewwel ġurnata tal-ħatra tagħha, bħal kull ġudikant, dejjem għamlet xogħolha bl-aktar mod professjonali. M’huwiex ġust li nibdew nirraġunaw b’dan il-mod, għaliex allaħares jibdew jiġuna d-dubji li minn qed jiġġudika jista’ jkollu xi interess u jiddeċiedi skont il-kulur politiku tiegħek.
Sa llum dan żgur mhux il-każ u ta’ min ifaħħar il-Ġudikatura għax-xogħol siewi li tagħmel. Hu min hu l-Imħallef jew il-Maġistrat, dejjem imxew b’kuxjenza u serjeta’ kbira.
Il-poplu qed jistenna politika mil-oppożizzjoni li tkun aħjar, nadifa u mhux maħmuġa. L-istess Jason Azzopardi malajr ħa vantaġġ politiku wkoll din il-ġimgħa billi meta kien hemm l-inċident tan-Nar f’Marsaxlokk, semma t-tanker minflokk li wera kuxjenza lejn min kien midrub u l-familjari tagħhom.
Forsi l-istampa issa qed tkun ċara dwar l-oppożizzjoni.
Fil-verità l-argumenti kollha li qed iqajmu xi esponenti tal-PN huma biss front, biex joħolqu sensazzjonaliżmu u jgħamlu ħoss fuq il-media lokali. Argumenti li min qed jgħamilhom qed jaspira li jkun l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista u qed jgħamilhom għaliex fil-kap tiegħu stess illum Simon Busuttil, m’hu qed jara xejn ħlief djufija politika u nuqqas ta’ maturità.