L-Oppożizzjoni jew hi inkompetenti għax ma tafx, jew qed tgħid affarijiet inveritieri, meta tgħid li deċiżjonijiet tas-Sedja jiddiskutu proċess ta’ reviżjoni tal-Pjan Lokali. Qal dan il-Partit Laburista b’risposta għal stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista jistaqsu lid-Deputati tal-Gvern jaqblux li ssir diskussjoni dwar tibdil fil-Pjan Lokali fil-Parlament.
Fi stqarrija ntqal kif il-proċess għar-reviżjoni tal-Pjan Lokali hu wieħed definit b’mod kategoriku bil-liġi, skont Artikolu 53 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp. Ingħad kif fil-fatt dan l-proċess jitlob minn tal-inqas żewġ fażijiet ta’ konsultazzjoni pubblika u kif ukoll konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp fejn ikollu ċ-ċans iħejji stqarrija ta’ pożizzjoni fil-perjodu tat-tieni konsultazzjoni.
Il-PL spjega kif wara din il-parti tal-proċess, il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar jibgħat id-dokumenti u l-istqarrija ta’ pożizzjoni lill-Ministru konċernat sabiex ikun jista’ jirreferihom lill-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp għall-iskrutinju effettiv tiegħu u jiġi ppreparat rapport lill-Kamra tar-Rappreżentanti skont l-istess liġi ċitata.
Il-PL temm billi qal kif il-Gvern Laburista qatt ma ddejjaq jikkonsulta, inkluż fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u hu kommess li jħalli l-perkors tal-proċessi jsiru kif stipulat anki minn deċiżjonijiet tas-Sedja.