Kien il-Partit Nazzjonalista li ħabta u sabta b’daqqa ta’ pinna biddel il-Pjani Lokali u art verġni daqs is-Siġġiewi kollu taha għall-iżvilupp. Fuq hekk żgur l-Oppożizzjoni m’għandhiex kredibbiltà u huwa Gvern Laburista li art verġni bħal Ħondoq ir-Rummien u bajja f’Wied il-Għajn frankahom minn żvilupp. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Il-PL qal li l-Partit Nazzjonalista jaf li jew qed jigdeb jew baqa’ diżinfurmat meta jgħid dwar trasparenza u konsultazzjoni għaliex proċess għal reviżjoni anki parzjali tal-pjan lokali hu wieħed definit bil-liġi u jobbliga żewġ fażijiet ta’ konsultazzjoni pubblika.
L-istqarrija tgħid li dan apparti diskussjoni u skrutinju fil-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, li n-naħa tal-Gvern fuq dan il-Kumitat diġà wieġbet f’korrispondenza uffiċjali li deċiżjoni tal-Ispeaker stess tobbliga lill-Kumitat li titla’ quddiemu materja marbuta ma’ reviżjoni fi Pjan Lokali, u dan kif stipulat fil-proċess tal-istess reviżjoni.
L-istqarrija temmet tgħid li l-problema ta’ Bernard Grech hi li mhedi b’politika cheap li tiskorja l-punti politiċi u jinħeba wara subgħajh. Gvern Laburista dejjem kien wieħed li jikkonsulta, anki fejn il-liġi ma tobbligax u kommess li jkompli jonora dak li tgħid il-liġi.