L-unika pjan li għandha l-Oppożizzjoni huwa dak li tibqa’ toħroġ stqarrijiet riċiklati, sempliċiment biex tkun qalet xi ħaġa.
Hekk qal il-Partit Laburista f’istqarrija li tinnota l-attitudni fqira u populista li issa saret parti mir-retorika tal-Partit Nazzjonalista, li spiċċat tikkontradixxi lilha nnifisha dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta Jean Paul Sofia.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-Oppożizzjoni filli tgħid li r-rakkomandazzjonijiet għandhom jitwettqu f’sitt xhur u filli timbotta biex l-affarijiet itulu. Fil-fatt innutat li llum il-fatti huma ċari aktar minn qatt qabel fejn l-Oppożizzjoni ma għandhiex viżjoni għas-settur tal-kostruzzjoni u għandek Gvern li beda jirriforma dak li qatt ma sar f’ħamsin sena.
Hawn intqal li sa minn qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta, dan il-Gvern daħħal fis-seħħ emendi leġiżlattivi bil-għan li nkomplu ngħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni u issa bidla ġdida favur l-interessi ta’ terzi u s-sigurtà tal-ħaddiema anke fejn jidħlu siti standalone.
Il-Partit Laburista kompla jgħid li fuq din l-aħħar riforma, l-Oppożizzjoni llum qed trewwaħ biex ikun hemm it-tkaxkir tas-saqajn.
L-istqarrija temmet tgħid li tassew attitudni fjakka u konferma li fuq in-naħa ta’ bidla għall-aħjar, l-Oppożizzjoni ma ssibha mkien.