B’reazzjoni għal stqarrija mill-Partit Nazzjonalista b’rabta mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-deroga tal-insib f’Malta, fejn dawn attakkaw il-Gvern għall-ħidma tiegħu, irreaġixxa l-Partit Laburista.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal kif minflok jingħaqdu mal-Gvern Malti, biex flimkien jiddefendu l-prattiċi legali tal-kaċċaturi u n-nassaba lokali, tal-Partit Nazzjonalista nfexxew jattakkaw lill-Gvern Malti, li fittex u se jibqa’ jfittex kull mezz biex jiddefendi d-drittijiet tan-nassaba.
Fl-istqarrija ġie nnotat kif hekk jagħmel min hu populist, sensazzjonali u ħsiebu biss biex jiskorja punti politiċi.
“Il-Partit Laburista fil-Gvern kien u se jibqa’ jissalvagwardja d-drittijjet tan-nassaba u l-kaċċaturi Maltin u Għawdxin. Dan għall-kontra tal-Oppożizzjoni li meta kellha l-poter, wegħdet ħafna iżda meta ġiet affaċjat bi sfidi għalqet l-istaġun u m’għamlet xejn” temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.