Dan huwa t-titlu użat mill-ġurnal Politico għall-iskema pagi PN ta’ Simon Busuttil, li ddeskrivew bħala “skandlu.” Fl-artiklu tagħhom huwa spjegaw kif il-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, saqsa lil DB group biex iħallaslu l-pagi ta’ uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista. Hawnhekk għamlu referenza għall-unika reazzjoni li kellu Busuttil għal dan kollu, li huwa wiret din is-sitwazzjoni mill-predeċessur tiegħu, dikjarazzjoni li ġiet mgiddba għal kollox minn DB group.
Filfatt, dan hu kelma b’kelma x’qal DB:
- Mhux veru li s-sena l-oħra d-db Group għadda biss €3,500 lill-PN. L-ammont totali li għaddejna dik is-sena kien ta’ €77,300 (€70,800 + €6,500). Fil-fatt għandna l-ircevuti li jippruvaw dan.
- Mhux veru li s-sena l-oħra d-db Group ħallas lill-kumpanija tal-PN Medialink is-somma ta’ €70,800 għal xi servizzi kummerċjali li xtrajna mingħandha. L-insinwazzjoni li għall-ammonti li għaddejna lill-PN ħadna lura l-valur tagħhom f’reklami għall-Grupp tagħna hija gidba totali.
“Fil-fatt nisfidaw lil min hu kkonċernat fil-PN biex jgħid liema servizzi kummerċjali aħna ħadna mingħand il-Medialink fl-2016 u kif dawn iwasslu għal €70,800,” – DB Group
- Kienu l-ogħla uffiċjali tal-PN stess li qalulna li s-€70,800 li talbuna kienu se jintużaw biex jitħallsu l-pagi tas-segretarju ġenerali u tas-CEO. Fuq talba ta’ l-istess uffiċjali dawn kienu se jibagħtulna invoices tramite l-kumpanija Medialink, kif fil-fatt għamlu. Fl-2016, globalment dawn l-invoices kienu jammontaw ghal €70,800, eżattament kemm kienu talbuna biex johorgu z-zewg pagi, dik tas-segretarju generali u dik tas-CEO.
ONE NEWS żvela li fis-Sajf tal-2013, ftit wara li sar kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil kellu laqgħa mal-imprenditur Silvio Debono u fiha qallu ċar u tond li l-Partit Nazzjonalista għandu problemi finanzjarji.
Fi żmien fejn ma kienx hemm biex jitħallsu l-pagi tal-ħaddiema, talbu jkopri l-paga tas-Segretarju Ġenerali, li dak iż-żmien kien Chris Said. It-talba nltaqgħet u eventwalment, meta Said irriżenja f’Mejju tal-2015, bdiet titħallas il-paga ta’ Rosette Thake.
Bejn il-ħatra ta’ Said u ta’ Thake fil-Partit Nazzjonalista kienet inħolqot kariga oħra. Din id-darba wkoll Simon Busuttil kellem lil Silvio Debono tad-DB Group. Lejn l-aħħar tas-sajf tal-2014 meta Busuttil reġa mar għand Debono, din id-darba biex iħallaslu wkoll il-paga tal-Kap Eżekuttiv.
Simon Busuttil, ma ċaħadx dak żvelat minn ONE NEWS – li kien hu li direttament talab il-flus lil Silvio Debono tad-DB Group.