Fil-ġimghat li ġejjin, grupp ta’ studenti tal-iskola nazzjonali tal-isport se jkollhom l-opportunità ta’ taħriġ barra minn Malta fid-dixxiplina sportiva li qed isegwu.
Se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ atleti u sportivi oħra biex ikollhom esperjenzi ġodda.
L-istudenti li qed jitħarrġu fil-basketball u fl-atletika se jitilgħu għal kamp ta’ taħriġ il-Portugall, grupp tal-għawm u tal-għawm artistiku se jitla’ Franza, filwaqt li żewġ gruppi tal-football sejrin il-Portugall u żewġ gruppi oħra tal-football is-Serbja.
Fix-xhur li ġejjin ukoll, grupp tal-arti marzjali se jkollu l-opportunità li jitla’ l-Ġappun.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet diġà telgħu gruppi ta’ studenti l-Portugall biex jitħarrġu fid-dixxiplini tal-ġinnastika artistika, tal-ġinnastika rittmika, tal-atletika, tat-triathlon, taċ-ċikliżmu, tal-handball, u grupp ieħor ta’ studenti tal-isquash fi Spanja.
L-Iskola Nazzjonali tal-Isport għandha r-rwol fundamentali: li tiżviluppa studenti-atleti determinati u li kapaċi jirnexxu. L-iskola twassal lill-istudenti biex eventwalment jirnexxilhom jagħmlu lil Malta kburija billi jikkompetu f’attivitajiet sportivi u prestiġġjużi filwaqt li joffru l-aħjar servizzi lis-soċjetà Maltija bħala professjonisti li jaħdmu f’diversi oqsma.
Il-Kap tal-Iskola, Robert Magro, qal li qed jaraw li jagħtu l-għajnuna kollha possibbli biex l-istudenti jkollhom opportunitajiet li jesploraw karrieri relatati mal-isport, li jistgħu jiftħulhom opportunitajiet kemm lokalment kif ukoll lil hinn minn xtutna.
“L-istudenti se jkollhom esperjenza varja li se sservihom ’il quddiem meta huma jitħajru biex ikomplu bis-serjetà b’mod iktar professjonali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li l-Gvern huwa impenjat li jipprovdi lill-istudenti għarfien edukattiv vast, kemm akkademiku kif ukoll relatat mal-isport. Huwa għalhekk li l-Gvern qed jagħti opportunitajiet diversi li permezz tagħhom l-istudenti huma mħeġġa jsegwu u jinvestu fil-ħiliet sportivi tagħhom.