F’seminar maqsum fuq jumejn, organizzat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) bħala parti mill-programm Ewropew PRIMA (Partnership for Research and Innovation in the Mediterranean Area), laqqa’ diversi riċerkaturi minn diversi pajjiżi fil-Mediterran.
L-għan ta’ dan is-seminar huwa biex diversi riċerkaturi jikkollaboraw sabiex joħolqu soluzzjonijiet innovattivi għal użu aktar sostenibbli ta’ riżorsi primarji, b’mod partikolari fl-oqsma tal-immaniġġjar tal-ilma, l-ikel u sistemi ta’ biedja sostenibbli.
Waqt is-seminar ġew imħabbra l-opportunitajiet ta’ fondi għal din is-sena permezz tal-programm PRIMA, fejn ir-riċerkaturi kienu mħeġġa jressqu l-proposti tagħhom, fejn imbagħad jiġu assistiti minn tim fi ħdan l-MCST sabiex japplikaw għall-fondi. Ġie spjegat li l-proposti għandhom jiffukaw fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għal preservazzjoni aħjar tal-ambjent.
Fid-diskors tiegħu waqt is-seminar, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ħeġġeġ lir-riċerkaturi lokali sabiex jikkollaboraw ma’ riċerkaturi minn pajjiżi oħra li twassal għall-innovazzjoni f’diversi setturi, b’mod partikolari fejn jidħol it-tibdil tal-klima. Stqarr ukoll li l-opportunitajiet ta’ fondi li ġew mħabbra huma xhieda tal-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni li jwasslu, fost affarijiet oħra, biex insaħħu diversi setturi biex ikunu aktar kompetittivi, reżiljenti u fuq kollox diversifikati.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-MCST Tonio Portughese, fejn qal li permezz ta’ dan is-seminar, il-Kunsill qed jagħti opportunità lir-riċerkaturi lokali u barranin biex jikkollaboraw, fejn din il-kollaborazzjoni twassal għal proġetti ta’ riċerka innovattiva li tindirizza kwistjonijiet komuni u kruċjali li jolqtu r-reġjun tal-Mediterran.