F’konferenza, organizzata mill-Malta Business Bureau u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija taħt il-proġett Enterprise European Network, ġew spjegati l-opportunitajiet li jeżistu għall-għajnuniet ta’ fondi li l-Unjoni Ewropea toffri lin-negozji żgħar u medji biex jirregolarizzaw ruħhom b’mod aktar sostenibbli, diġitali, u reżiljenti.
Indirizza din il-konferenza s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, li saħaq kif minkejja l-isfidi li affaċċja l-pajjiż f’dawn l-aħħar żminijiet, irnexxielna naddattaw u nikbru grazzi għall-ħidma tal-Gvern id f’id mas-settur privat.
“Għandna dawn it-tip ta’ organizzazzonijiet bħalma hija l-MBB, illi tkompli tgħin u anke bħala Gvern nitgħallmu wkoll xi problemi jaffaċċjaw in-negozji biex inkunu nistgħu nagħmlu l-interventi tagħna biex nissimplifikaw kollox għax wara kollox irridu li n-negozji tagħna jieħdu ħafna minn dawn il-fondi ħa jkomplu jinvestu fin-negozju tagħha u b’hekk tikber l-ekonomija tal-pajjiż.”
Il-President tal-Malta Business Bureau, Alison Mizzi enfasizzat li għalkemm diversi negozji jkollhom proġetti u ideat tajbin li bihom jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropej, ħafna drabi jsibuha diffiċli li jsibu min jgħinhom jakkwistaw il-fond partikolari li jkollhom bżonn.
Tkellem ukoll iċ-Chairman tal-MCST Dr Tonio Portughese li rrimarka kif l-MCST għandha dipartiment speċjalizzat li huwa l-punt ta’ kuntatt ewlieni fuq il-fond Horizon Europe, b’baġit ta’ aktar minn ħamsa u disgħin biljun ewro.