Wara li minn mindu twaqqaf il-programm tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni, magħruf bħalal-Horizon Europe, fl-2021 entitajiet Maltin ibbenefikaw minn aktar minn €20 miljun f’fondi minnu, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) ħabbar opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament.
Dawn l-opportunitajiet huma mmirati għal proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, miżuri strateġiċi, u inizjattivi leġiżlattivi, li jitħaddmu flimkien biex jipprovdu soluzzjonijiet li jkunu ta’ ġid fis-soċjetà.
Il-fondi partikolari f’dan il-każ jingħataw biex jindirizzaw l-isfidi kbar tas-soċjetà, fosthom b’rabta mas-saħħa, mat-tibdil tal-klima, mal-ibliet intelliġenti, mal-ibħra, u mal-ħamrija, skont il-prijoritajiet imfassla mill-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, faħħar lill-MCST għal kif wessa’ x-xogħol tiegħu matul iż-żmien biex iservi mhux biss bħala konsulent tal-Gvern għar-regolarizzazzjoni fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija u l-immaniġġjar tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-pajjiż, iżda wkoll bħala punt ta’ riferiment għal skemi finanzjarji kemm lokali kif ukoll dawk maħruġa mill-UE.
“Aħna kburin biż-żieda fil-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Horizon Europe, b’entitajiet Maltin jiksbu aktar minn €20 miljun f’fondi mit-tnedija ta’ dan il-programm fl-2021, b’opportunità unika għar-riċerkaturi lokali sabiex jikkollaboraw ma’ riċerkaturi u entitajiet rinomati Ewropej u internazzjonali. Dan iwassal sabiex Malta tikseb aktar importanza u immaġni pożittiva fi ħdan l-Unjoni Ewropeja,” ikkummenta s-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.
Waqt it-tħabbir tal-opportunitajiet ta’ finanzjament, tkelmu wkoll iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Tonio Portughese, u Julien Guerrier, id-Direttur tal-Common Policy Centre tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-proġetti għas-sena 2023 se jkollhom baġit ta’ €600 miljun. Dawn se jinkludu missjonijiet ambizzjużi sabiex jinstabu soluzzjonijiet għal uħud mill-akbar sfidi li qed niffaċċjaw illum. Entitajiet Maltin jistgħu jipparteċipaw fis-sejħiet preżenti u futuri b’finanzjament sa 100 fil-mija tal-proġett sabiex jimplimentaw l-ideat innovattivi tagħhom.
Il-Framework Programme Unit fi ħdan il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (l-MCST) hija l-entità ta’ riferiment lokali għall-Horizon Europe u, f’dan l-irwol, toffri l-gwida kollha meħtieġa lil dawk li jkunu jeħtiġuha.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jibgħat imejl fuq horizon.malta@gov.mt jew iżur is-sit elettroniku https://mcst.gov.mt/horizon-europe/.
Ritratt ta’ fuq: © École polytechnique – J.Barande