Kienet organizzata konferenza minn EUPA flimkien ma’ SportMalta u MEUSAC biex l-għaqdiet sportivi japplikaw għall-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-isports taħt il-programm Erasmus+ ċentralizzat fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din hija għajnuna biex l-għaqdiet ikunu jistgħu imexxu l-proġetti u ideat tagħhom b’fondi ewropej u anke jingħataw l-opportunità li jkabbru l-esperjenza tagħhom ma’ assoċjazzjonijiet oħrajn madwar l-Ewropa.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li, “l-pjan huwa li jkabbar l-involviment fil-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tal-assoċjazzjonijiet sportivi wara li l-fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett qed ikompli jikber.” Grima saħaq li lkoll flimkien jinsabu lesti li jagħtu kull għajnuna li hemm bżonn sabiex l-ammont ta’ applikazzjonijiet ikompli jikber.
Il-programm Erasmus+ fl-isport, li anke wara li Malta fil-Presidenza tagħha kitbet u ġabet l-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha għall-European Work Plan for Sport, rat li l-fondi allokati jikbru u l-opportunitajiet jiżdiedu. Proġetti li jvarjaw fl-assistenza minn €60,000 fi proġetti żgħar ta’ kollaborazzjoni sa €400,000 għal proġetti ikbar.
L-intergrità fl-isport, il-ġlieda kontra id-doping, il-governanza tajba, l-intolleranza u id-diskriminazzjoni fl-isport, il-volontarjat u l-inklużjoni soċjali huma t-temi prominenti.