Pajjiżna ffirma l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għal-Koproduzzjoni Ċinematografika. Iffirmar li seħħ nhar it-Tnejn f’Rotterdam mill-Ministru Edward Zammit Lewis u fil-preżenza tal-Kummissarju għall-Films Engelbert Grech, li kienu preżenti għas-sitta u erbgħin edizzjoni tal-Film Festival ta’ Rotterdam.
B’dan l-iffirmar f’pajjiżna mistennija jinħolqu iktar opportunitajiet għal films indiġeni.
Dan għax din il-konvenzjoni tħeġġeġ koproduzzjonijiet ta’ films bejn għadd ta’ pajjiżi, anke għax tgħaqqad l-istess pajjiżi f’politika legali komuni.
Għalhekk dan se jfisser iktar produzzjonijiet ta’ kwalità u fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fis-settur.
Malta kienet mal-ewwel grupp ta’ pajjiżi li ffirmaw dan it-trattat, kif spjegalna l-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.
“Iffirmajna dan it-trattat mill-ewwel għaliex jagħti żvog lill-industrija Maltija tal-films li tkun tista’ tikkopera iktar ma’ pajjiżi Ewropej u anke barra mill-Ewropa,” qal Zammit Lewis.
Żied jgħid li fid-dawl ta’ spejjeż għoljin għall-produzzjoni, trattati u ftehimiet bħal dan huma essenzjali.