Ippresedut mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ġie iffirmat ftehim bejn l-aġenzija Aquatic Resources Malta, l-ARM, u l-Università ta’ Malta biex isaħħu r-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika fis-settur tal-akkwakultura u s-sajd.
Permezz tiegħu, se jiġu indirizzati l-isfidi fis-settur tas-sostenibbiltà ekoloġika u s-sajd b’għan li jiġi żviluppat programm ta’ riċerka konġunta u li jinxtered it-tagħrif bejn il-partijiet.
Il-ftehim jinkludi fih diversi aspetti, inkluż l-aċċess għal-laboratorji tal-Università u tal-ARM għar-riċerka, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol għall-istudenti u studji dwar il-bijodiversità u t-titjib tal-prattiċi tas-sajd sostenibbli.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella, enfasizza kif dan l-element prattiku jħejji lill-istudenti għas-suċċess fil-karrieri rispettivi tagħhom, filwaqt li, min-naħa tiegħu, Frank Fabri, Kap Eżekuttiv tal-ARM, qal li din il-kollaborazzjoni tirrappreżenta pass sinifikanti biex iġġib eqreb ħidmet iż-żewġ entitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said elenkat li ftehimiet bħal dawn se jżidu fl-istudji li jsiru f’dan is-settur.
SOT 1
ALICIA BUGEJA SAID
SEGRETARJU PARLAMENTARI
“Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, naraw li nżidu l-istudji li, fl-aħħar mill-aħħar, jgħinuna biex anke nippjanaw il-futur tas-sajd u l-akkwakultura f’pajjiżna.”
Il-Ministru Grima saħaq li dan il-ftehim se jkun qed joffri opportunità unika lill-istudenti u r-riċerkaturi fis-settur.
SOT 2
CLIFTON GRIMA
MINISTRU
“Permezz ta’ dan il-ftehim ħa nkunu qegħdin nagħtu l-opportunità lir-riċerkaturi, l-istudenti, biex jagħmlu riċerka fuq dan is-settur, biex jinbnew karrieri f’dan is-settur u, fuq kollox, biex ikollna dejjem aktar għodda li permezz tagħha nistgħu nagħmlu differenza fil-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin kollha.”