Malta hija minn ta’ quddiem fl-opportunitajiet favorevoli għall-persuni li jaħdmu għal rashom.
Dan joħroġ minn statistika tal-Eurostat li turi kif fl-2017, Malta kien ir-raba’ l-aktar pajjiż li offra opportunitajiet xierqa biex persuni jiftħu negozju għal rashom..
Fl-istastika jintqal kif fl-2017, fl-Unjoni Ewropea kien hemm aktar minn 282 miljun persuna impjegata u mat-33 miljun minnhom li kienu jaħdmu għal rashom.
L-istatistika tal-Eurostat turi kif aktar minn wieħed minn kull ħames persuni self-employed fl-Unjoni Ewropea sabu opportunità tajba biex imexxu n-negozju tagħhom.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawk self-employed għażlu li jaħdmu għal rashom minħabba opportunità favorevoli. Din ir-raġuni kienet segwita mit-tkomplija tan-negozju tal-familja.
F’Malta, 33 fil-mija qalu li sabu opportunitajiet favorevoli li wassluhom biex jibdew jaħdmu għal rashom. 20 fil-mija għażlu li jkomplu negozju tal-familja.
Fl-Unjoni Ewropea, 28 fil-mija tas-self-employed qalu li ma sabu l-ebda diffikultà li jaħdmu għal rashom fl-aħħar tnax-il xahar.
Il-Eurostat qal li f’Malta, 29 fil-mija ma sabu l-ebda diffikultà u pajjiżna kellu fost l-inqas rati ta’ persuni li esperjenzaw xi forma ta’ piż amministrattiv.