GEM16+ huwa programm edukattiv iffukat li kien imniedi mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Issa tfassal pjan biex il-programm jiġi rikonoxxut kemm mill-MCAST u mill-ITS. B’hekk jiżdiedu l-opportunitajiet għall-istudenti li jattendu f’dan iċ-ċentru edukattiv.
GEM16+ fetaħ il-bibien tiegħu għall-ewwel darba f’Ottubru 2015 għal studenti li temmew l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja. L-għan huwa li jservi ta’ tarġa għal dawk l-istudenti li jonqoshom il-kwalifiki meħtieġa fil-livell taċ-ĊES (SEC) sabiex ikomplu r-rotta tagħhom fil-qasam akkademiku. Il-programm jiffoka fuq preparazzjoni intensiva għall-eżamijiet taċ-ĊES fil-Malti, fl-Ingliż, fil-Matematika, fil-Fiżika u l-ECDL.
L-esperjenza ta’ din l-ewwel sena ta’ GEM16+ kienet xhieda li l-programm huwa wieħed ta’ kwalità. Kien għalhekk li l-MCAST u l-ITS ivverifikaw il-kwalità għolja ta’ dan il-programm edukattiv bix-xogħol tal-istudenti jilħaq il-Livelli 2 u 3 tal-Malta Qualifications Framework, jiġifieri livell ekwivalenti għal suġġett fil-livell taċ-ĊES (SEC).
Permezz tal-ftehim li ġie ffirmat illum, l-istudenti ta’ GEM16+ jingħataw ukoll l-opportunità li jagħżlu b’mod aħjar rotta vokazzjonali fl-MCAST jew fl-ITS, wara sena esperjenza f’dan il-programm edukattiv. Is-sena esperjenza fil-ĠEM16+ għinithom jimmaturaw u jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażliet għaqlin għall-futur tagħhom fil-qasam edukattiv, fl-impjieg u t-taħriġ.
Il-ftehim ġie jiġi ffirmat minn Carmel Micallef tal-Programme Leader GEM16+, Silvio De Bono President tal-Bord tad-Diretturi fl-MCAST u s-Sur Paolino Schembri li huwa chairman tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo.