Ġie iffirmat ftehim biex tisaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-komunità kreattiva u l-industrija tal-pubblikazzjoni.
Il-Memorandum of Understanding bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se jssaħħaħ il-kollaborazzjoni li diġà hemm bejn iż-żewġ entitajiet, bil-għan li jippromwovu numru ta’ inizjattivi artistiċi u edukattivi, partikularment waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u l-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus.
Il-Ftehim għandu jgħin sabiex jersqu eqreb ta’ xulxin l-opportunitajiet tal-komunità kreattiva li taħdem fil-qasam tal-pubbblikazzjoni, speċifikament l-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi.
Il-Ftehim kien iffirmat mid-Direttur tal-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi, u l-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Mark Camilleri. Dan fil-preżenza tal-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ u r-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima.
Mary Ann Cauchi qalet li dil-kollaborazzjoni timmira li ttejjeb u ssostni l-industrija tal-kotba b’għajn partikulari għall-illustraturi u d-disinjaturi grafiċi, sabiex tipprovdilhom aktar opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali u kreattiv, u anki aċċessibiltà aħjar għall-kotba u l-pubblikazzjonijiet immirati għal udjenzi differenti.”
Mark Camilleri qal li l-Ftehim se jsaħħaħ in-netwerks professjonali ta’ bejn iż-żewġ entitajiet u jinħoloq spazju fejn il-letteratura Maltija tkun rikonoxxuta kif tassew jixirqilha.
Il-Ftehim ifittex li jkattar l-opportunitajiet għal artisti li għandhom interess li jippubblikaw xogħol artistiku relatat mal-pubblikazzjoni lokalment u anki barra, u jżewweġ l-arti lokali mal-letteratura.
