Il-proġett pilota bejn il-Gvern u Hand in Hand Ltd. għal tfal bl-awtiżmu beda jħalli r-riżultat u jkun ta’ benefiċċju jekk inkomplu nibnu fuq is-suċċess li diġà nkiseb. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan fi tmiem żjara li għamlet fil-faċilitajiet ta’ Hand in Hand Ltd.
Hand in Hand Ltd toffri programm intensiv ta’ terapija bbażata fuq Applied Behaviour Analysis (ABA) għal tfal bl-awtiżmu. Dan il-programm huwa mmirat biex jgħallem tfal bl-awtiżmu jitkellmu, irawwem ħiliet soċjali u ħiliet li jħallu lit-tfal jgħixu b’mod indipendenti, kif ukoll jindirizza tipi differenti ta’ mġieba.
Bħalissa f’din il-faċilita hemm 120 tifel u tifla bl-awtiżmu jsegwu dan il-programm ta’ terapija u 12 minnhom qed jibbenefikaw minn proġett pilota wara ftehim li għamel il-Gvern ma’ Hand in Hand Ltd.
Jacqueline Abela De Giovanni, CEO ta’ Hand in Hand Ltd., spjegat kif l-għalliema ta’ din l-iskola huma kollha professjonisti speċjalizzati u kwalifikati biex jassiguraw li t-tfal jieħdu l-aħjar terapija ABA.
ABA hija terapija li tintuża f’pajjiżi Ewropej fosthom l-Irlanda fejn din it-terapija tiġi offruta sa min età żgħira lit-tfal kollha bħala early intervention.
Dr Miriam Dalli insistiet li hemm tipi differenti ta’ terapija għal tfal differenti.
Terapija addatta għal tfal bl-awtiżmu hija investiment fis-soċjetà tagħna biex nassiguraw li dawn ‘il quddiem ikollhom ħajja indipendenti fejn jistgħu jaħdmu u jipparteċipaw fil-ħajja ta’ kuljum, sostniet Dalli.
Irridu nagħrfu l-ħtieġa li s-sistema edukattiva taddatta għall-abbiltajiet differenti tat-tfal li għandha quddiema u tkun flessibli biżżejjed biex tindirizza l-bżonnijiet tat-tfal kollha, qalet Dr Dalli.
“Irridu niffukaw fuq ekwita, fejn nagħtu l-għodda necessarji li t-tfal għandhom bżonn skont ir-realtajiet tagħhom u li huma meħtieġa biex kulħadd ikollu suċċess. Huwa b’hekk li nassiguraw li hadd mit-tfal ma jibqghu’ lura,” kkonkludiet Dalli.