Sbatax-il student u studenta tal-Istitut għall-Edukazzjoni li qed jaspiraw li fil-futur qrib ikunu għalliema, temmew tmenin siegħa ta’ taħriġ bħala parti mill-kors tagħhom biex isiru għalliema f’inizjattiva maħsuba biex tkabbar il-kompetenzi ta’ dawn l-edukaturi futuri; li fl-aħħar mill-aħħar jgħaddu għand l-istudenti fil-klassi.
Din l-inizjattiva qed issir mill-Istitut għall-Edukazzjoni bħala parti mill-kors tal-Baċellerat għal dawk li se jsiru għalliema, mhux biss dawk ta’ suġġetti vokazzjonali.
Malta huwa l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li qed joffri din l-opportunità, b’kollaborazzjoni ma’ sebgħa u ħamsin kontributur mill-privat u għaqdiet mhux governattivi.
Jessica Grixti – li ilha sittax-il sena taħdem bħala LSE, qed taspira li ssir għalliema tal-primarja, u lestiet l-hekk imsejjaħ microplacement fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun.
“Tgħallimt ħafna fuq il-komunikazzjoni bejn il-ħaddiema u l-kollaborazzjoni u kemm hi importanti li jiena issa nista’ nwassalha għall-istudenti tiegħi fil-futur. Wasalt f’punt li bdejt nosserva ħafna l-mod kif anki per eżempju mill-Customer Care, il-mod kif jikkomunikaw man-nies, kif jaslu biex jiggwidaw lin-nies għad-direzzjoni t-tajba.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana qalet li l-ħiliet tas-seklu wieħed u għoxrin li tant nitkellmu dwarhom, jistgħu jinkisbu b’opportunitajiet bħal dawn, relevanti u prattiċi fid-dinja tal-lum.
“Nafu li fil-klassi għandek diversità ta’ studenti li jġibu magħhom baggage differenti, esperjenzi differenti, ħiliet differenti, u nemmnu li b’dan l-eżerċizzju li qegħdin nagħmlu mal-għalliema tagħna, ħa nkunu qed inwessgħulhom l-orizzonti tagħhom però fuq kollox inkunu qed nagħtuhom il-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jindividwaw potenzjal u jaħdmu fuqu.”