L-Awtorità tal-Ippjanar ippubblikat regolamenti ġodda li jipprovdu ‘opportunità unika’ lis-sidien ta’ proprjetà biex jirregolarizzaw żviluppi mhux sanzjonabbli u konformi, li jinsabu fil-konfini tal-iżvilupp eżistenti.
Permezz tal-introduzzjoni ta’ dan il-proċess temporanju ġdid ta’ regolarizzazzjoni, sidien ta’ djar fost l-oħrajn, li l-proprjetà għandha żviluppi illegali, li f’xi każijiet jmorru lura għal bosta snin, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex ibiegħu jew jiksbu self mill-bank għall-proprjetà tagħhom.
Ir-regolamenti l-ġodda, li jiskadu wara sentejn, se jillegalizzaw ukoll kwalunkwe żvilupp irregolari, fil-konfini tal-iżvilupp, li fis-snin li għaddew ibbenefikaw minn konċessjoni ta’ kategorija B.
L-Awtorità tal-Ippjanar tikkunsidra biss regolarizzazzjoni ta’ żvilupp illegali eżistenti, jekk il-bini jew struttura ma tirriżultax li tkun ta’ detriment lill-ambjent tal-madwar u jekk l-użu tal-iżvilupp huwa konformi mal-policies u r-regolamenti tal-ippjanar kurrenti. Dawn ir-regolamenti se jkunu eliġibbli biss għal żviluppi irregolari li jidhru fir-ritratti tal-Awtorità, meħudha mill-ajru fl-2016. Għaldaqstant, kull estensjoni jew żieda lil hinn minn dawn ir-ritratti ma jistgħux jiġu regolarizzati.
Kull applikazzjoni ser tkun soġġetta għal ħlas, ikkalkolat fuq it-total tal-ispazju msaqqaf ta’ kull sular tal-proprjetà li se tiġi rregolarizzata.
Is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li dan huwa ‘turning point’, mhux biss fil-liġi, imma huwa sinjal ċar li l-infurzar se jkun impost b’aktar kjarezza. “Il-liġijiet qiegħdin hemm biex ikunu obduti”, qalet is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li qalet li din l-opportunità ma toffrix biss konċessjoni, imma l-permess li se jingħata huwa wieħed validu.
Din se tgħin ammont sostanzjali ta’ nies li bħalissa qed isibuha diffiċli jbiegħu l-propjetà tagħhom.