Pathfinder huwa l-isem tat-tieni tnedija ta’ boroż ta’ studju relatati mal-intelliġenza artifiċjali bħala parti mill-MDIA Digital Scholarships.
Għall-kuntrarju tal-ewwel boroż ta’ studju, din l-opportunità mhux limitata għal persuni li għandhom għarfien dwar is-settur iżda huma miftuħin għal kull student minn kull settur akkademiku li għandhom aspirazzjoni li jispeċjalizzaw fl-intelliġenza artifiċjali fil-livell ta’ Masters jew Dottorat.
F’konferenza stampa ġie spjegat li kull min japplika jista’ jirċievi massimu ta’ għaxart elef ewro kemm jekk se jkun qed jistudja fuq bażi full-time u kemm part-time.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, Stephen McCarthy stqarr li l-Awtorità qed taħdem ma’ diversi operaturi li jinsabu f’pajjiżna iżda id f’id magħhom hemm bżonn il-ħaddiema b’għarfien fuq dan is-settur.
Is-Sur McCarthy qal, “Il-pajjiż ikun qed jiggwadanja għax għandek l-investitur, l-operatur qed jiġi jinvesti f’Malta imma iktar minn hekk ikun qed isib lill-ħaddiema u ż-żgħażagħ Maltin li jkunu speċjalizzati u kapaċi u nixtieq infakkar ukoll li l-paga tagħhom tkun paga tajba kumparata mal-medja għax hemm speċjalizzazzjoni fejn jidħol AI u din ikollha, li tħaddem dawn iż-żgħażagħ Maltin li jgħixu hawn Malta, ikollha l-multiplier effect fuq l-ekonomija.”
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri li spjega li mitt elf ewro ser ikunu dedikati għal din il-miżura bil-għan li sal-elfejn u tletin, Malta tkun fost l-aqwa pjattaforma f’dan is-settur imsawra mill-aqwa mħuħ.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Illum qed inniedu budget inizjali ta’ mitt elf ewro. Jien nixtieq li dan il-budget kemm jista’ jkun jittieħed, ħalli hekk inkunu anki f’pożizzjoni li nkomplu nsaħħu u niddedikaw iktar riżorsi anke fost oħrajn fuq din l-iskema.”
L-applikazzjonijiet għal dawn il-boroż ta’ studju jagħlqu fis-sittax ta’ Lulju u għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-MDIA.