Avviż legali ġdid ser jkun qed jagħti l-opportunità għal estensjoni ta’ ħamsa u sittin sena lil dawk li għandhom ċens kummerċjali mal-Awtorità tal-Artijiet jew l-Uffiċċju konġunt u li jiskadi wara l-31 ta’ Awwissu 2025.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentar Chris Agius hekk kif spjegaw li din l-estensjoni hija applikabbli għal dawk li jagħtu prova ta’ attività kummerċjali li se tagħti valur miżjud lill-art fis-snin li ġejjin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet James Piscopo qal li dan il-pass huwa fl-ogħla interess tal-awtorità, li hija responsabbli mill-aħjar amministrazzjoni tal-proprjetajiet kollha tal-gvern.
Dan apparti li permezz ta’ din l-opportunità qed tiżdied il-fiduċja fin-negozji Maltin u Għawdxin, u qiegħda wkoll tevita li l-proprjetajiet tal-gvern jitħallew jiddeterjoraw.
Fil-fatt il-Ministru Ian Borg qal li dan huwa Gvern determinat li jara li l-art pubblika tkun qed tintuża bl-aħjar mod possibbli.
Huwa qal: “Fl-istess ħin konvinti minn dak li qed nagħmlu u rridu li jkun hemm iżjed investiment. Investiment fuq l-art tal-poplu u l-art tal-poplu nistennew li jkun hemm prezz xieraq imħallas għaliha u l-iżvilupp li jirrispetta l-liġijiet u l-policies tal-pajjiż.”
Intant is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li permezz ta’ dan l-avviż legali individwu jew il-kumpaniji li ser iniedu dawn il-proġetti ġodda ser ikollhom serħan il-moħħ li l-post minn fejn ser ikunu qed joperaw dawn il-proġetti ser jingħata b’konċessjoni ġdida