Fil-binja fejn kienet tingħata l-forka fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, inqatlu erbatax-il persuna, kollha rġiel.
L-ewwel eżekuzzjoni kienet dik ta’ Ġużeppi Vella fl-elf tmien mija, tlieta u disgħin (1893), waqt li l-aħħar eżekuzzjoni kienet tal-aħwa Karmnu u Ġużeppi Zammit fl-elf disa’ mija, tlieta u erbgħin (1943).
Waħda mill-aktar eżekuzzjonijiet li tibqa’ tissemma hija dik ta’ Carmelo Borg Pisani, li kien akkużat bi spjunaġġ kontra l-Gvern Ingliż.
Kellhom jgħaddu kważi tmienja u għoxrin sena biex fl-elf disa’ mija wieħed u sebgħin il-piena tal-mewt tneħħiet mil-liġi Maltija.
Ħamsin sena wara, l-uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin flimkien mal-priġunieri rrestawraw din il-binja storika fil-Ħabs.
Randolph Spiteri qal, “Ir-restawr sar mill-Uffiċjali Korrettivi flimkien mar-residenti li għandna hawnhekk. Huwa parti mir-rijabilitazzjoni għaliex meta inti tkun qiegħed tgħallem lir-residenti kif għandhom jagħmlu ċertu restawri, ċertu teknika li tintuża, dik hija wkoll parti mir-rijabilitazzjoni. U allura li riedna nagħmlu huwa illi nagħtu ċ-ċans il-pubbliku jara l-Forka.”
Tkellimna wkoll mal-Ispettur Korrettiv Ronald Bugeja li rriċerka u kiteb ktieb dwar il-forka f’pajjiżna.
Huwa spjega l-aħħar mumenti tal-akkużati u x’kien jinkludi x-xogħol tal-bojja.
Bugeja tenna, “Prattikament dan li kien jagħmel kien joħorġu fuq il-patibolu, jorbotlu saqajh jgħattilu wiċċu u jdaħħallu l-ħabel u jniżżel il-lever biex jinfetaħ il-bokkaport.”
L-akkużat kien jitħalla marbut għal tliet sigħat u kif jgħaddi l-ħin kien jiġi ċċekkjat minn tabib.
Bugeja stqarr, “Il-bojja kellu rwol illi jaħsel, ikeffen u jdeffen lill-kundannat. U dan kien isir kollu fil-kamra tal-forka tagħna. Permezz tal-bojja kien iniżżel lill-kundannat fuq il-katallett, illi bħal qisu tebut, imma mikxuf. Jinġarr sal-bieb tal-Forka u barra jkun hemm il-karrettun bil-bhima lest biex iġġorru saċ-ċimiterju tal-ħabs.”
Din il-binja se tkun miftuħa għall-pubbliku bejn l-għaxra u tlettax ta’ Frar li ġej.