Bħalissa għaddej proċess bejn il-Bord tal-Professjoni tal-Inġinerija u l-Kamra tal-Inġiniera biex ikun żgurat li l-kors tal-inġiniera fl-MCAST jilħaq il-livell mitlub. Dan bil-għan li l-istudenti li jsegwu dan il-kors fl-MCAST ikollhom l-istess opportunità, bħal dawk l-istudenti li jsegwi dan l-istess kors fl-Università. Dan sabiex din il-professjoni, tkompli tissaħħaħ.
Numru ta’ esperti ġew Malta biex jevalwaw dan il-kors u jirrikomandaw xi tibdiliet, wara sejħa pubblika. Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru tal-Edukazzjoni ntqal li dan il-proċess wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu u l-Bord tal-Inġiniera flimkien mal-Kamra tal-Inġiniera u l-MCAST jinsabu viċin li jikkonkludu dan il-proċess, li ilu għaddej għal dawn l-aħħar sentejn, kieku ma tressaqx mandat ta’ inibizzjoni fuq is-suġġett.
Fost il-bidliet li qed isiru, b’konsultazzjoni sħiħa mal-esperti Ġermaniżi li huma rinomati f’din l-industrija u huma kkunsidrati n-numru wieħed fl-Ewropa għal din it-tip ta’ evalwazzjoni u fost l-ewwel ħamsa fid-dinja, qed ikun żgurat li jkun hemm tibdil fil-livell akkademiku magħmul mill-MCAST. Dan il-proċess qed isir minn aġenzija internazzjonali li hija rikonoxxuta mill-European Network for Accreditation of Engineering Eduaction (ENAEE) bi trasparenza assoluta u anke bis-sehem ta’ stakeholders rikonoxxuti. Dan qed isir biex dan il-kors jilħaq l-istess livell tal-kors tal-Università ta’ Malta.
Il-Gvern qal li m’għandu l-ebda ħsieb li jbaxxi l-istandards ta’ din il-professjoni, anzi aktar minn hekk, dan il-proċess huwa wieħed li għandu pjani biex il-livell ikompli jogħla u l-warrant jingħata lil dawk li verament ikunu stinkaw biex jiksbuh, bl-impenn sħiħ tal-Bord tal-Professjoni tal-Inġiniera.
Il-Gvern sostna li minkejja li ġie ppreżentat mandat ta’ inibizzjoni dwar is-suġġett. Il-Gvern tenna li hu kommess li jwasslu dan il-proċess sal-aħħar tiegħu.
Huwa ħeġġeġ biex f’dan il-każ jirrenja s-sens komun u naraw li tkun issalvagwardjata din il-professjoni tant bżonjuża għall-pajjiżna, iżda fuq kollox ikun żgurat li l-istudenti kollha jkollhom opportunitajiet indaqs.