Miriam Dalli hi l-ewwel politiku Malti li ngħatat dan ir-rikonoxximent • Meqjusa bħalha waħda mit-28 persuna mistennija jinfluwenzaw l-Ewropa tul l-2019.
“Sodisfatta u kuntenta li ntgħażilt fost disa’ persuni ikkunsidrati li jwettqu (doers) u li mistennija jinfluwenzaw l-2019. Ix-xogħol politiku tiegħi huwa l-opportunità tiegħi li nagħmel differenza pożittiva u ngħolli isem Malta.”
Hekk qalet l-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli wara li lbieraħ ntgħażlet fost it-28 persuna li skont il-pubblikazzjoni influenti Politico huma mistennija li jinfluwenzaw l-Ewropa tul 2019.
“Sodisfatta, għax kull ma ħdimt għalih tul dawn l-erbgħa snin fil-Parlament Ewropew ma kinitx biss frott ħidma biex nirrappreżenta liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin imma wkoll biex ngħolli isem pajjiżna,” saħqet Dr Dalli.
Dalli hija l-unika MPE li din is-sena hija fost it-28 u hija l-ewwel politiku Malti li qed tingħata dan ir-rikonoxximent. B’referenza għan negozjati dwar il-liġi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet mill-karozzi, Politico faħħru lil Miriam Dalli għal mod strateġiku ta’ kif ġabet alleanzi fost il-gruppi differenti tal-Parlament Ewropew biex għelbet il-forzi fost il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew u lobbying b’saħħtu minn naħa tal-industrija tal-karozzi Ġermaniża.
“In-negozjati biex ikollna liġi b’saħħitha favur l-ambjent huma diffiċli imma jfisser li dak li qed naħdmu għalih qed iħalli impatt b’saħħtu ħafna,” żiedet Dalli.
Din is-sena, il-magħżula ġew mqassma fi tliet kategoriji differenti: ‘doers’ – dawk li jwettqu; ‘dreamers’ – dawk li joħolmu; u ‘disruptors’ – dawk li jfixklu. Għal Politico, Miriam Dalli hija fost il-kategorija tad-‘doers’, jiġifieri dawk li jwettqu u t-titlu li tawha huwa ta’ ‘Eco Warrior’.
L-ismijiet ta’ dawk li ġew rikonoxxuti bħalha fost il-Politico 28 Class of 2019 tħabbru l-bieraħ filgħaxija waqt serata li ttellat f’Autworld, fi Brussell.
Miriam Dalli ingħatat dan ir-rikonoxximent fil-preżenza ta’ aktar minn 150 mistiedna għolja ġejjin mis-setturi pubbliċi u privati kemm minn Brussell kif ukoll mill-akbar bliet kapitali fi ħdan l-Ewropa.