“Irridu nħarsu lejn iċ-ċirkostanzi preżenti bħala opportunita’ għall-bidla ambjentali. Għandna ndawwru l-isfidi tal-irkupru mill-pandemija u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja f’opportunita’ għal ekonomija ħadra mibnija fuq enerġija rinovabbli,” qal dan l-MEP Laburista Cyrus f’konferenza li organizza fil-Parlament Ewropew, flimkien ma’ Huawei Europe u GESI, The Global Enabling Sustainability Initiative.
Engerer irrefera għad-diskors mix-xettiċi dwar il-klima fuq jekk dan hux iż-żmien għall-bidla. ‘It-tibdil fil-klima mhux se jistenna lill-bniedem isolvi l-kunflitti tiegħu,’ qal Engerer b’referenza lejn il-gwerra fl-Ukrajna.
Hu saħaq li “l-politika ambjentali tagħna fuq livell Ewropew trid tkun waħda b’saħħitha filwaqt li tassigura li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Għaldastant il-Fond Soċjali għall-Klima li kien propost mill-progressivi Ewropej hu għodda importanti biex il-familja u n-negozji ż-żgħar ikunu parti mill-bidla ambjentali mingħajr ma jkollhom iġorru l-piż ta’ din il-bidla”.
Engerer tkellem fuq il-kisbiet ambjentali tal-Unjoni Eworpea matul dan iħ-ħmien.
Engerer ikkonkluda li minkejja li l-Ewropa qiegħdha tmexxi din il-bidla globali, trid tkompli tisma’ liċ-ċittadini li qiegħdin jappellaw għal tibdil aktar b’saħħtu u kuraġġjuż fuq l-ambjent – sentiment li esprimew iċ-ċittadini preżenti fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.