Ħadem u stinka, u sar l-iżgħar champion ta’ Malta fil-badminton. Illum Matthew Abela qed jara l-possibilità li jibqa jiżviluppa u jsaħħaħ l-abbiltajiet tieghu f’dan l-isport.
Xi ftit mistħi, tkellimna ma’ Matthew, li spjegalna kif issa infetaħlu bieb għal opportunità biex jikber fil-karriera sportiva tiegħu, hekk kif issejjaħ biex jitħarreġ għal sena fil-Badminton Europe Centre of Excellence fid-Danimarka.
Qalilna li hu determinat ferm, u jaħdem għal dak li jħobb. Tenna li l-livell tal-Badminton f’pajjiżna qed jogħla, u l-kompetizzjoni dejjem tiħrax.
Kellimna wkoll dwar dak li mistenni jsir quddiemu b’din is-sena, f’dan it-taħriġ li jibqa’ fil-bidu ta’ Settembru. Qalilna li hu eċitat ferm li jitħarreġ ma’ plejers u kowċis tal-ogħla livell. Esperjenza li se tgħinu jikber mhux biss fil-badminton, imma bħala persuna, biex ikun jista’ jilħaq livelli ogħla, u jgħin lil dawk li jixtiequ jtejbu l-livell tagħhom fl-isports.
Matthew ma naqasx milli jirringrazzja lill-familja, il-ħbieb, il-kowċis iddedikati, u l-isponsors, li mingħajrhom ma kienx jasal s’hawn.
U minkejja li hu bniedem mistħi, hu determinat ferm, u qed iħares ’il quddiem. Spjegalna x’irid fil-futur tiegħu.
Hu spjega billi qal li “nixtieq nibqa għaddej. Il-ħolma tiegħi hi li mmur l-Olympics u nikkompeti dawn it-tournaments il-kbar. U se nibqa’ naħdem għaliha sakemm nasal.”