Malta hija magħrufa għas-sbuħija Mediterranja tagħha; sbuħija li tieħdok mill-kampanja dellija tal-Buskett sax-xtajtiet pittoreski madwar il-gżejjer tagħna.
Iżda lil hinn minn din is-sbuħija fuq l-art, teżisti tip ta’ sbuħija oħra li frekwentament hija minsija: dik tal-baħar ta’ madwarna, u partikolarment dik ta’ taħt wiċċ il-baħar.
Biex tagħmilha possibbli li kemm jista’ jkun nies igawdu din is-sbuħija, il-Heritage Malta varat proġett uniku li permezz tiegħu studenti qed jingħataw l-opportunità affaxxinanti li jesploraw siti taħt il-baħar fi tliet mija u sittin grad (360°) u jiskopru nawfraġji kif ukoll il-ħajja marittima.
II-Kap tat-Taqsima Kulturali ta’ Taħt il-Baħar tal-Heritage Malta, il-Professur Timmy Gambin spjega li l-aġenzija għamlet investiment f’headsets sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu din l-esperjenza fl-istess ħin.
“Nistgħu nuru bil-headset u nkunu nistgħu nuruhom lill-klassi sħiħa, mhux tnejn jew tlieta – jiġifieri aħna għandna ’l fuq minn tletin headset”
Il-programm jibda bi preżentazzjoni qasira li tgħarraf lill-istudenti dwar x’se jkunu qed jesperjenzaw matul il-filmat. Dan lill-istudenti jqanqlilhom interess mhux biss fl-aspett bijoloġiku u f’dak marittimu, iżda ukoll fl-aspett teknoloġiku, storiku, u artistiku, fost l-oħrajn.
“Ir-reazzjoni tat-tfal hija waħda tremenda, hija waħda ta’ inspirazzjoni. Meta tara r-reazzjoni tagħhom, dan jispirak li tgħid, ‘Ħa mmur niffilmja iktar siti, ħa ndur iżjed skejjel, ħa nespandu l-programm edukattiv tagħna.”
Iżda mhumiex biss l-istudenti li tegħlibhom il-kurżità. Il-Professur Gambin qal li frekwentement l-għalliema jispiċċaw jistaqsu mistoqsijiet simili.
“Mir-reazzjonijiet tal-għalliema aħna nħossu li, kważi kważi, l-għalliema li jagħmlu l-esperjenza 360 magħna, jieħdu pjaċir daqs it-tfal.”
L-għan aħħari ta’ dan il-programm huwa li l-istudenti jiftħu moħħhom u, attwalment, minħabba n-natura unika tat-tagħlim li qed jiġi offrut, ir-rispons min-naħa tal-istudenti jkun wieħed b’saħħtu, mimli mistoqsijiet. Finalment, huwa qalilna li minħabba l-interess kbir minn entitajiet differenti, il-programm tkabbar u issa jilqa’ lil kull min huwa interessat.
“Tant saret popolari li minn din is-sena bdew jistaqsuna anki kunsilli lokali – jibbukkjawna u aħna mmorru. Dan huwa servizz mogħti minn Heritage Malta b’xejn.”
Kull min huwa interessat f’dan il-programm jista’ jżur is-sit elettroniku tal-Heritage Malta, minn fejn wieħed jista’ wkoll jibbukkja.
Kull min huwa interessat f’dan il-programm jista’ jżur is-sit elettroniku: https://underwatermalta.org.