Dan ix-shelter jinsab taħt l-eks Sptar Navali tal-Ingliżi fl-Imtarfa li nbena speċifikament biex jilqa’ lis-suldati midruba matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Fil-fatt ix-xelter fi żmien il-gwerra kien iservi ta’ moħba għall-pazjenti u l-ħaddiema. Ix-xelter uniku u storiku, b’fond ta’ sitt sulari, jinkludi teatru li fih kienu jsiru l-operazzjonijiet.
Għall-ewwel darba dan ix-shelter se jinfetaħ għall-pubbliku waqt l- Military Mtarfa li se ssir il-Ħadd li ġej. Opportunità unika fejn il-pubbliku se jkun jista’ jinżel u jimxi f’dan ix-xelter li tħaffer fl-ewwel gwerra dinjija.
Id-dettalji dwar Military Mtarfa tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mis-sindku tal-Imtarfa Daniel Attard fejn fisser kif id-data li fiha ser isir l-attività taħbat propju l-mitt anniversarju mill-iffirmar tal-Armistizju, it-twaqqif tal-gwerra.
Il-Ħadd, l-attività tibda bi żjara fiċ-Ċimiterju Militari tal-Imtarfa fejn ifakkru lil dawk li mietu matul l-Ewwel u t-Tieni Gwerra Dinjija.
Fl-attività se jkun hemm attrazzjonijiet li jieħdu lill-pubbliku lejn żmien il-gwerra u se jagħtu togħma tal-Imtarfa fi żmien l-Ingliżi. Fosthom oħra se jittellgħu rappreżentazzjonijiet storiċi, suldati b’uniformi u tagħmir tat-tieni gwera, vetturi u muturi ta’ qabel l-1945 u l-Victory Kitchen.
Din l-attività ser isir bl-għajnuna tal-Fondazzjoni Valletta elfejn u tmintax. Filfatt ic-Chairman ta’ Valletta 2018 Jason Micallef fisser kif il-fondazzjoni ħasbet biex tgħin kunsilli lokali f’attivitajiet bħal dawn.
Nhar il-Ħadd li ġej l-attivitajiet fl-Imtarfa jibew fl-10:30 u jibqgħu għaddejjin tal-17:00.