Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura qed joffri opportunità biex sajjieda dilettanti jistadu għal-lampuki.
Dan se jsir permezz ta’ allokazzjoni ta’ bosta rimji u ċimi madwar l-ibħra Maltin u Għawdxin, wara ftehim li ntlaħaq mal-għaqdiet tas-sajjieda biex kull waħda minnhom ikollha postijiet allokati u riservati.
Is-sajjieda dilettanti huma mħeġġa japplikaw mal-għaqdiet biex jistadu bir-rixa fuq dawn l-istess ċimi.
Is-sajjieda b’dgħajjes irreġistrati bħala MFC, S u Valletta huma kollha eliġibbli biex japplikaw għas-sajda tal-lampuki.
Id-Dipartiment ħaseb ukoll biex iżewweġ it-teknoloġija mat-tradizzjoni permezz ta’ app fuq il-mobile li se titnieda fil-jiem li ġejjin.
Din l-app se tagħti spinta fuq żewġ binarji, għaliex id-diġitalizzazzjoni se tnaqqas b’mod konsiderevoli l-burokrazija, u fl-istess ħin, tgħin biex nadattaw għal teknoloġija li tnaqqas l-iskart u l-użu tal-karti.
L-informazzjoni li tinġabar minn din l-app se tgħin lid-Dipartiment iżomm rendikont iktar aġġornat u effiċjenti tal-kwalità u l-kwantità tal-ħut li jinqabad.
B’hekk tkompli titkattar ir-riċerka u l-għarfien fuq is-saħħa u s-sostenibilità tal-ekosistema marittima tagħna.
Il-Ministru għas-Sajd, Anton Refalo spjega li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ għajnuna għal dawk li jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum minn dan is-settur.
Qal, “Għat-tieni sena konsekuttiva, se nerġgħu nniedu skema oħra li niżlet tajjeb ħafna s-sena l-oħra, li nagħtu ċimi lis-sajjieda li huma dilettanti tal-lampuki”.
Is- Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said qalet li din l-opportunità se tassigura li s-sajjieda dilettanti jkollhom opportunità li jgawdu minn dan l-istaġun tant popolari mal-Maltin.
Qalet, “Dan ix-xahar, din is-sena, ħsibna li noħorġu bi skema fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jistadu għal-lampuki bir-rixa maċ-ċimi. Qed nagħmluh dan biex innaqqsu l-kunflitti mas-sajjieda l-kbar li normalment tkun problema għas-sajjieda żgħar li m’għandhomx rixa.”
L-applikazzjonijiet jibqgħu miftuħa sal-Erbgħa, għaxra ta’ Awwissu.
Għal aktar informazzjoni, is-sajjieda jistgħu jċemplu lid-Dipartiment fuq 22926888.