Is-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad, li s-soltu jinżamm magħluq, se jinfetaħ għall-pubbliku minn Heritage Malta nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Frar, proprju fil-festa li tfakkar in-nawfraġju ta’ San Pawl fil-Gżejjer Maltin.
Dakinhar, il-pubbliku jkun jista’ jżur is-sit bejn l-10.00am u l-4.00pm, bil-prezz imraħħas ta’ €3 għall-adulti.
Il-viżitaturi se jiġu mistiedna jagħtu daqqa t’id lil arkeologu fit-tindif u t-tqassim ta’ fuħħar misjub fis-sit. Il-grupp tar-re-enactment Legio X Fretensis, li jirripproduċi xeni militari u ċivili Rumani mill-ewwel seklu wara Kristu, se jesebixxi diversi oġġetti u jagħti spjegazzjonijiet lill-pubbliku.
Lejlet il-festa, nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar, se tiġi ċelebrata quddiesa fil-kappella li hemm fis-sit fis-6.00pm. F’dak il-ħin tkun miftuħa biss il-kappella.
Skont il-kult Pawlin, kien f’San Pawl Milqi li l-gvernatur Publiju, li kien ukoll l-ewwel isqof ta’ Malta, laqa’ lill-Appostlu San Pawl (li jispjega l-kelma ‘milqi’ fl-isem tas-sit). Madankollu, s’issa ma hemmx evidenza dokumentata li San Pawl qatt kien f’dan il-post, li xorta waħda jqanqal interess sostanzjali minn dawk li għandhom għal qalbhom il-kult Pawlin.
Mil-lat arkeoloġiku, San Pawl Milqi għandu valur sinjifikanti. Minbarra oqbra antiki, jiġbor fih fdalijiet estensivi ta’ villa Rumana tipika li fiha għexu n-nies għal mill-inqas sitt sekli – mit-tielet seklu QK sat-tielet seklu WK. Il-fdalijiet ta’ mekkaniżmi tal-ġebel marbutin mal-għasir taż-żebbuġ jixhdu l-aspett rurali talvilla, filwaqt li traċċi ta’ dekorazzjonijiet impittra fuq il-ħitan jindikaw in-naħa li kienet tintuża għal skop residenzjali.
Fil-ftuħ speċjali tas-sit ta’ San Pawl Milqi, it-tfal u l-membri ta’ Heritage Malta jidħlu b’xejn. Il-biljetti jinxtraw biss mill-bieb u l-passaporti ta’ Heritage Malta ma jistgħux jintużaw.