Bħala parti mill-programm uffiċjali ta’ attivitajiet marbutin mal-ġimgħa ddedikata lil qari, il-Malta Libraries tellgħet Maratona ta’ Qari fil-Librerija Pubblika Ċentrali, f’Beltissebħ, il-Furjana.
Ħafna awturi, librara, pubblikaturi, għalliema u nies li għandhom għall-qalbhom il-qari u l-ilsien Malti qraw siltiet minn kotba, drammi jew poeżiji tal-għażla tagħhom f’maratona ta’ qari li s’issa qatt ma kienet organizzata bħalha. Huma qraw bla waqfien għal kwarta kull wieħed. Fost dawk li taw sehmhom kien hemm Immanuel Mifsud, Rita Saliba, Salv Sammut, Anton Grasso u Trevor Zahra li kienu mistidnin speċjali.
Fil-qari ħadu sehem ukoll rappreżentanti minn ALS Malta, mil-Librerija tal-Universita, minn Care Malta, Rise Foundation, L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u anki mill-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin.
Diversi studenti minn skejjel varji, djar tal-anzjani u aġenziji oħra segwew mill-qrib il-qari li xxandar ukoll live fuq il-media digitali tal-Malta Libraries.
F’din il-ġimgħa speċjali għall-qaru u l-ktieb, il-pubbliku Malti hu mħeġġeġ billi jieħu l-opportunita’ biex jissieħeb membru mal-libreriji u juża l-ħafna servizzi fiżiċi u diġitali b’xejn li joffru il-Malta Libraries.