Biex tfakkar is-solstizju tas-sajf, Heritage Malta għal darb’oħra se torganizza żjajjar bi gwida fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra nhar l-Erbgħa 21 u l-Ħamis 22 ta’ Ġunju fi tlugħ ix-xemx, meta x-xemx tidher tiela’ f’allinjament partikolari ma’ dawn is-siti. Barra minn hekk, dawk preżenti se jkollhom ukoll l-opportunità li jżuru ċ-ċentru tal-viżitaturi fil-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.
Fl-ewwel jum ta’ kull staġun ix-xemx titla’ f’allinjament partikolari ma’ dawn il-binjiet preistoriċi u għalkemm mhux magħruf fiċ-ċert jekk dawn l-orjentazzjonijiet sarux b’intenzjoni, huma tant sistematiċi li aktarx hekk hi l-probabbiltà. Fil-komunitajiet agrikoli preistoriċi, l-osservazzjoni tal-istilel, il-qamar u x-xemx setgħet kienet relatata mat-tibdil tal-istaġuni u ż-żmien taż-żriegħ u l-ħsad.
Is-solstizju tas-sajf jista’ jkun osservat kemm mit-Tempji ta’ Ħaġar Qim kif ukoll mit-Tempji tal-Imnajdra. Biex tipprovdi esperjenza aħjar għall-viżitaturi, Heritage Malta qed toffri biss numru limitat ta’ biljetti. Fil-fatt il-biljetti għall-Ħaġar Qim huma mibjugħa kollha filwaqt li fadal biljetti għat-Tempji tal-Imnajdra. Min hu interessat jista’ jixtri l-biljetti mis-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta jew mis-sit elettroniku, shop.heritagemalta.org. Il-biljetti jiswew €25 jew €15 għall-membri ta’ Heritage Malta.
Il-parteċipanti jiltaqgħu fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-5.30 ta’ filgħodu. L-attività tinkludi l-esperjenza tas-solstizju, żjara bi gwida fit-Tempji ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra, żjara fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi li tinkludi filmat 4D u pawsa għall-kafè.
Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment, kif ukoll aħbarijiet u attivitajiet oħra ta’ Heritage Malta, żur is-sit elettroniku tal-aġenzija, www.heritagemalta.org, jew il-paġna ta’ Heritage Malta fuq Facebook.